Internazzjonali

L-Afganistan: Mijiet tal-mejtin minn terremot fost emerġenza kbira umana

Kollox jindika li mietu l-mijiet tan-nies wara li t-terremot qawwi tas-Sibt laqat l-inħawi lejn il-Punent tal-Afganistan u viċin il-fruntiera mal-Iran.

Filwaqt li għad ma hemm l-ebda ċifri konkreti dwar il-vittmi, ftit hemm dubju li l-ammont proprju tal-vittmi għandu jkun wieħed ‘storiku’ meta kienet għadha qed tasal l-informazzjoni miz-zoni rurali tal-pajjiż li ġarrbu l-massimu tal-impatt tat-theżżiża.

Fil-fatt, wieħed mid-dipartimenti għall-emerġenzi tat-Taliban – il-grupp tal-militanti Iżlamiċi li qed imexxi lill-Afganistan – issuġġerixxa li l-vittmi ta’ dan it-terremot kapaċi jaqbżu sew l-2,000.

It-theżżiża tal-art ewlenija, li mmarkat 6.3 fuq l-Iskala Richter ħalliet ħerba kbira fost talanqas 12-il villaġġi fil-limiti tal-belt ta’ Herat. It-terremot kbir kien segwit ukoll b’sensiela ta’ theżżiż tal-art sekondarji li rriżultaw fil-kroll ta’ diversi bini fost it-terrur tar-residenti.

L-iskwadri għall-emerġenzi għadhom qed jaħdmu bla serħan bit-tama li jsibu n-nies ħajjin taħt il-fdalijiet tal-bini.

Dan ukoll fost konferma ta’ eluf tal-midruba f’pajjiż li hu nieqes sew mill-faċilitajiet mediċi adekwati u meta l-isptarijiet ma jistgħux ilaħħqu man-nies fi bżonn ta’ trattament urġenti u li qegħdin jaslu hemm minn ħin għall-ieħor.

Fl-aħħar sigħat, in-Nazzjonijiet Uniti u l-organizzazzjonijiet ta’ fejda kienu qed iwasslu l-provvisti għall-emerġenzi lejn iz-zoni ‘tal-imwiet’ fejn kważi d-djar kollha spiċċaw f’munzelli ta’ tifrik mal-ewwel sekondi tat-terremot kbir.