Lokali

Naħdmu biex il-bniedem ikun fiċ-ċentru tal-politika

“Il-viżjoni tiegħi għal Malta aħjar hi li tkun soċjetà li fiha l-persuna tkun fiċ-ċentru tal-politika.Soċjetà fejn kulħadd, inklużil-persuni b’ diżabbiltajiet fiżiċi u b’ diżabbiltajiet moħbija, ikollhom l-opportunità li jaħdmu, jimxu ’l quddiem u jaslu bil-ħila tagħhom.

“Fejn ikun hemm ċentri speċjalizzati għall-persuni b’diżabbiltajiet fiżiċi, għall-persuni b’diżabbiltajiet li ma jidhrux u oħrajn għal nies bi problemi ta’ saħħa mentali. Irid ikun hemm aktar ħidma u impenn biex inkissru l-istigma kontra n-nies b’diżabbiltajiet li ma jidhrux u oħrajn li jbatu minn problemi ta’ saħħa mentali.

“U proprju għax l-ambjent għandu impatt qawwi fuq is-saħħa mentali tan-nies, irridu nipproteġu l-ambjent, nipproteġu l-ODZ, naraw li jkun hemm ħafna aktar spazji ħodor, li jiżdiedu l-ġonna bis-siġar fil-qalba tal-bliet u l-irħula u li jiżdiedu pedestrian areas fejn in-nies ikunu jistgħu jippassiġġaw u t-tfal jilagħbu barra mingħajr periklu.

“Nixtieq nara wkoll aktar skrutinju fejn ikun hemm tmexxija lokali ħażina u korrotta, abbuż ta’ poter u xiri ta’ voti, u finanzjament tal-partiti, u dan biex inkissru ċ-ċirku vizzjuż ta’ abbuż tal-power of incumbency.

“Allegorija attribwità lid-Dittatur Russu Stalin hi dik tat-tiġieġa. Biex juri lil ta’ madwaru kemm hu faċli li tikkontrollah u timmanipulah lill-poplu, qabad tiġieġa, qalagħlha rixha kollu u remieha mal-art kollha dmija. Ftit wara ħareġ daqsxejn frak tal-ħobż u t-tiġieġa dlonk marret tiekol minn idu.

“Lill-poplu rridu nipproteġuh minn din il-manipulazzjoni; irridu naħdmu biex ma jibqax diżensitizzat għall-korruzzjoni billi ninvestu f’sistema edukattiva li ma tiġrix biss wara ċ-ċertifikati, imma tgħin lit-tfal tagħna jifformaw karattru sod.”

Din hi sensiela ta’ viżjonijiet mill-aktar ċari u diretti li għandha l-Avukat Louise Anne Pulis li se tkun waħda mill-kandidati tal-Partit Nazzjonalista għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew li se jsiru f’Ġunju tas-sena d-dieħla.

Iltqajt ma’ Louise Anne Pulis fil-jiem li għaddew u tkellimna fit-tul dwar x’wassalha toħroġ għall-politika u sservi permezz tal-politika. Naturalment bdejt biex staqsejtha tgħidli aktar dwar min hi u l-background tagħha.

“Jiena Louise Anne Pulis. Twelidt u trabbejt f’Ħaż-Żabbar u għadni ngħix hemmhekk. Jiena l-iżgħar minn ħames aħwa, ilkoll nisa ħlief il-fustani. Miżżewġa u għandi żewg subien.

“Ġejja minn familja tal-ħaddiema u dik sawret fija ħafna prinċipji sodi: missieri dejjem għallimni li qatt m’għandek tistħi għax taħdem b’ idejk… dawk għodda tal-fidda.

“Għenni nifhem li fil-ħajja kulħadd bżonn ta’ xulxin għaliex is-soċjetà hi katina u hu u ommi dejjem saħqu fuq id-dover ċiviku u l-konsiderazzjoni lejn ħaddieħor,speċjalment lejn dawk vulerabbli u fil-bżonn. Dejjem saħqu miegħi u mal-erba’ ħuti li l-edukazzjoni hi ċ-ċavetta għall-ħajja.

“B’din it-trobbija u b’karattru li jqaxxar dak ta’ missieri, inkluż il-passatemp tal-ġnien u l-imħabba għas-snajja’ u b’ħafna sensibbiltà li writt mingħand ommi, tlajt tenaċi, b’karattru sod, b’sens ta’ umoriżmu kbir, ferriħija u dejjem lesta biex ngħin lil ħaddieħor.

“Proprju minħabba dan is-sens ta’ dover ċiviku li kont dejjem bejn ħalltejn jekk nagħżilx il-Mediċina jew il-Liġi. Sa mill-età ta’ tlettax-il sena nies kienu jsibuni għaliex kienu jħossuhom komdi jferrgħu l-problemi tagħhom miegħi u lil dawn in-nies qatt ma tajthom il-ġenb, anzi dejjem ipprovajt nara kif nista’ ngħinhom… forsi billi nħallihom jitkellmu u jiżvugaw, nagħti xi parir, jew ngħin b’ mod attiv. Il-fatt li minn etàżgħira kont esposta għal nies bi problemi li ma jidhrux,nebbħitni li stajt ngħin lil ħaddieħor billi nkun avukat. U hekk għamilt. Wara li lestejt il-kors tal-Ligi studjat għal Masters fid-Drittijiet tal-Bniedem.

“Sa minn ċkunitna ommi kienet dejjem tippridkalna li biex verament tifhem, tagħder u tgħin lil min hu fil-bżonn ma tista qatt tikkundanna lill-persuna li jkollha problema. U għalkemm illum fiżikament m’għadhiex magħna, it-tagħlim tagħha għadni nħaddnu.

“L-istess ngħid għall-priedki tagħha dwar li twettaq dak li tgħid, li ma tkunx ipokrita u li dejjem għandek tiġġieled għall-vunerabbli u għalih ġustizzja. U dan it-tagħlim nagħmel minn kollox biex ngħaddih lil uliedi.

“Jiena għaddejt minn ħafna saram u traġedji personali u tgħallimt nara l-pożittiv anke fl-ikrah.Kont nidħak ma’ ommi u nistaqsiha x’kienet dik l-istilla li kont twelidt taħtha. Fl-istorja tiegħi ma’ żewġi komplejt nikber, nitgħallem u nara aktar il-pożittiv.”

Louise Anne Pulis kompliet li: “fl-2009 twieled ibni ż-żgħir. Ġmiel ta’ tarbija qisu ħawħa; qagħqa taħt l-oħra u dejjem iċarrat ħalqu u jberraq dawk l-għajnejn jixegħlu. Dejjem ferrieħi u jgedwed u kien jgħid mama, papa u nanna.

“F’daqqa waħda, ta’ xi sena u nofs, dan it-tifel siket għalkollox u wara ntefa’ f’dinja għalih. Mill-ewwel bdejna investigazzjonijiet u testijiet u rriżulta li t-tifel qiegħed fuq l-ispektrum tal-awtiżmu. U bdejt infittixlu l-għajnuna, però l-professjonisti kienu xettiċi.

“Qalulna li x’aktarx ma kienx ħa jitkellem u ma kienx jidher li kellu memorja tajba. L-awtiżmu aċċettajtu mill-ewwel, però li ibni ma kienx se jitkellem u li ma kellux memorja tajba le. Kont ngħid bejni u bejn ruħi li la kien diġà jlissen kliem, mela forsi b’xi mod jerġa’ jsibhom.

“Meta ħadtu l-ewwel darba għat-tilqima kollox kien ward u żahar, imma t-tieni darba beda jheżżeż il-bini bit-tħanxir minn żewġ kantunieri bogħod. U ddeċidejt li nipprova ngħinu jien. Ngħajjat kemm ngħajjat ma jħarisx sakemm fl-aħħar qbadt suffara u bdejt insaffarlu. U biha ġie lura fid-dinja tagħna.

“U la ġie lura bdiet il-ħidma u kompla l-progress. Hu tgħallem iżda ċertament mhux daqs kemm tgħallimt mingħandu jien. Ngħidilkom li Ġobb dilettant ħdejja, imma l-paċenzja fiha mertu kbir għaliex ibni wrieni kif tħobb bla kundizzjoni, urieni kif tkun il-purità, mingħajr qatra ħażen, kattiverja jew għira… xi ġmiel ta’ emozzjonijiet!”

Louise Anne Pulis żied li: “sadanittant, inbidel il-Gvern u l-pajjiż spiċċa taħt tmexxija Laburista. Skandlu wara l-ieħor u skandlu ikbar mill-ieħor. Nisġa ta’ korruzzjoni li l-pajjiż qatt ma kien ra bħalha. Attakki kontra l-istituzzjonijiet tal-Istat.

“Gvern li jidhirlu li huwa ’l fuq mil-Ligi;Gvern li ma jirrispettax id-deċiżjonijiet tal-Qorti u li jattakka kontinwament u bla ġustifikazzjoni lill-Ġudikatura. Kummissarji tal-Puluzija li l-motto ta’ Domine Dirige Nos ikkonvertewh f’nipproteġu lill-korrotti. Aġiri irresponsabbli mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali li huma fil-veru sens tal-kelma skandalużi. Dominazzjoni u demonizzazzjoni ta’ kull tip ta’oppożizzjoni u attakk sfenat fuq ir-raba’ pilar tad-demokrazija… li laħaq l-apiċe tiegħu bl-assassinju ta’ Daphne Ċaruana Galizia.

“L-istituzzjonijiet kollha li jipproteġu l-funzjoni tad-demokrazija ġew imnawra, filwaqt li tnaqqret sew is-Saltna tad-Dritt. Abbuż sfaċċat ta’ poter. Sparpaljar ta’ flus il-poplu. Dawn iċ-ċirkustanzi bdew jinkwetawni bil-kbir għaliex għalkemm fit-tmeninijiet jien kont daqsxejn ta’ tifla, niftakar xi jfisser meta jiġri dan.

“Meta lil missieri riedu jkissruh minħabba t-twemmin politiku tiegħu u l-ordnijiet biex missieri jgħaddi minn kalvarju bi ksur sfaċċjat ta’ drittijiet fundamentali kienu ġejjin minn sorsi qrib iċ-ċentru tal-poter, jiena, ħuti u ommi magħna ġarrabna sofferenzi kbar ma’ missieri. Kont qed nifhem l-implikazzjonijiet serjissimi tas-sitwazzjoni ta’ pajjiżna anke minħabba l-isfond legali li għandi.

“Ma’ din is-sitwazzjoni inkwetanti kien hemm il-gwerra qalila kontra s-siġar u l-ambjent. Anarkija totali fil-qasam tal-kostruzzjoni, bini bla ruħ jew estetika jfaqqas ma’ kullimkien u nuqqas ta’ infurzar tal-liġijiet. Ekonomija bbażata fuq l-esplojtazzjoni ta’ third country nationals li mhi xejn għajr skjavitu modern.

“Il-famuż prekarjat li hu xogħol b’kundizzjonijiet inferjuriu ħlas miżeru li qiegħed joħloq tbatija kbira għall-Maltin u l-barranin. Għoli tal-ħajja sfrenat filwaqt lil-faqar sploda u l-faxxa ta’ nies f’riskju ta’ faqar dejjem tikber. Maltin ifittxu fiż-żibel u oħrajn bla saqaf fuq rashom jittallbu fil-belt kapitali.

“Problemi ta’ saħħa mentali splodew, rata ta’ suwiċidji tal-biża’, allarm għal self harm u eating disorders fit-tfal.U filwaqt li l-Gvern qiegħed kostantament isib il-mijiet ta’ miljuni ta’ ewro għall-korruzzjoni u r-rackets, ma jsibx flus għal riżorsi li jibbenefikaw minnhom il-Maltin, speċjalment dawk l-aktar vulnerabbli.”

Louise Anne Pulis kompliet li: “wara l-kollass tal-istituzzjonijiet, das-sajf esperjenzajna l-kollass tal-infrastruttura bl-għeruq u x-xniexel. Wirdien u firien jiġġerrew għalenija fit-toroq tagħna, muntanji ta’ żibel f’kull kantuniera, intejjen impestati ta’ skart organiku jiddikomponi,

drenaġġ ifur fil-baħar u qtugħ ta’ dawl bla preċedent waqt waħda mill-agħar mewġiet ta’ sħana li qatt rat l-Ewropa.

“U għal darb’oħra l-konsegwenzi kienu serjissimi… sptar għarkobbtejh ma jistax ilaħħaq mad-domanda u ħafna mwiet. Kellmuni nies li mitulhom qraba tagħhom fi djarhom u dan ġiegħlni nissuspetta li l-istatistika kkwotata kienet biss ta’ dawk li mietu l-Isptar.

“F’sitwazzjoni politika u soċjali bħal dik preżenti f’pajjiżna għandek tliet għażliet u mhux aktar: li tirrassenja ruħek, li tippakkja l-bagalji u titlaq mill-pajjiż jew li tipparteċipa b’ mod attiv biex tiġġieled din is-sitwazzjoni u ssalva lil pajjiżek.

“Jien iddeċidejt li nieħu t-tielet għażla għax jekk hemm xi ħadd li għandu jwarrab hu l-korrott; dak li minn ġawhra fil-Mediterran irriduċa lil pajjiżna għal traġi-kummiedja.Il-mentalità tal-Gvern Laburista li bl-irħis jaqbillek fil-fatt qed tiswielna biz-zalza.

“Għexieren ta’ eluf ta’ Maltin qatgħu qalbhom u qegħdin jitilqu mill-pajjiż u dawn huma l-mexxejja, il-ħaddiema, il-ġenituri ta’ għada. Qiegħed jinħoloq brain drain qawwi li se jeffettwa lil pajjiżna għal ġenerazzjonijiet sħaħ u l-effetti se nibdew inħossuhom fil-futur qrib.”

Mistoqsija għaliex kandidatura mal-Partit Nazzjonalista, Louise Anne Pulis fissret li: “il-Partit Nazzjonalista hu l-għażla naturali għaliex dejjem emmen fil-poplu u għalhekk dejjem ra kif jipprovdilu l-opportunitajiet.

“Dejjem kellu viżjoni għall-ġejjieni. Emmen li l-poplu kien kapaċi jieħu rajh f’idejh u għalhekk issielet għall-indipenenza meta ħaddieħor ried l-integration.

“Is-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropeja, li fetħet orizzonti ġodda għal kulħadd u ġiebet fondi tant bżonnjużi biex stajna nkomplu ntejbu l-infrastruttura u nirrestawraw postijiet storiċi. Meta l-pajjiż kien f’salib it-toroq, il-Partit Nazzjonalista reġa’ ħadem bla heda biex iqajmu fuq saqajh.

“Il-Partit Nazzjonalista dejjem baqa’ jħaddan prinċipji soċjo-demokratiċi filwaqt li l-Gvern Laburista ċaħad kull prinċipju xellugi, tilef il-kuxjenza soċjali u qiegħed iħaddan prinċipji kapitalisti bbażati fuq sfruttar tal-ħaddiema bl-għan prinċipali li jgawdu tal-qalba u jħaxxnu bwiethom.

“X’jibqa’ fik meta għandek Prim Ministru, għal ġieħna avukat, li jammetti li ma jafx il-job description tiegħu u tal-ministri tiegħu; meta jistqarr pubblikament li l-Ministru Ian Borg kien sempliċiment qiegħed jaqdi d-doveri tiegħu meta kien parteċipi f’racket speċjalizzat u organizzat biex jinqdew Laburisti bi ksur ta’ diversi ligijiet u bla ebda każ għas-saħħa, is-sigurtà u l-ħajja ta’ kull ċittadin li juża t-toroq?

“Meta fl-istess nifs iħeġġeġ biex il-Kabinett isaħħaħ dawn ir-rackets imlibbsa ta’ servizzi għall-konsumatur? U dan meta xogħol il-Gvern hu li jaħseb għal policies u jipprovdi strutturi li jaħdmu, fejn kulħadd jinqeda bl-istess mod u mingħajr diskriminazzjoni u bla ma jkun ta’ perikolu għalih innifsu u għal ħaddieħor.

“Illum hu evidenti li hemm bżonn urġenti ta’ bidla fid-direzzjoni tat-tmexxija tal-pajjiż u l-Maltin għandhom bżonn nifs ġdid. Il-Partit Nazzjonalista jrid jagħtina kwalità ta’ ħajja aħjar f’pajjiżna, għaliex hekk jixraqlu kull wieħed u waħda minnha irrispettivament mill-kulur politiku,” temmet Louise Anne Pulis.