Futbol Sport

Rebħa drammatika għal Arsenal kontra ċ-champions Manchester City

Fl-Emirates Stadium, Arsenal kisbu rebħa drammatika lejn tmiem il-partita kontra c-champions Manchester City bl-iskor ta’ 1-0. Din kienet l-ewwel rebħa għal Arsenal kontra Manchester fil-Premier League sa mill-2015. B’din ir-rebħa Arsenal issa telgħu jaqsmu l-ewwel post tal-Premier League flimkien mar-rivali tagħhom Tottenham, fejn għandhom żewġ punti fuq Manchester City.

Bil-partita tkun nieqsa mill-azzjonijiet perikolużi, il-gowl li ddeċieda dan il-konfront wasal erba’ minuti mit-tmiem meta minn pass fit-tul ta’ Partey kien Tomiyasu li niżżel lejn Havertz fejn ħalla l-ballun għal Gabriel Martinelli li ra x-xutt tiegħu ikun devjat għal wara Ederson minn Ake.

Fl-Amex Stadium draw spettakolari ta’ 2-2 bejn Brighton u Liverpool. Kienu Brighton li marru fil-vantaġġ kmieni fil-partita permezz ta’ Simon Adingra. Liverpool irnexxielhom idawru l-iskor sa qabel tmiem l-ewwel taqsima b’żewġ gowls ta’ Mohamed Salah fl-40 u penalty fil-45 minuta. Brighton ma baxxewx rashom u ġabu l-iskor indaqs fit-78 minuta permezz ta’ Lewis Dunk.

Draw bl-istess skor fil-London Stadium bejn West Ham u Newcastle. West Ham fil-vantaġġ wara tmien minuti permezz ta’ Tomas Soucek. Żewġ gowls ta’ Alexander Isak fit-tieni taqsima dawru l-iskor parzjalment favur Newcastle iżda gowl mill-isbaħ fid-89 minuta mill-akkwist il-ġdid Mohammed Kudus għamilhom 2-2.

Wolves u Aston Villa wkoll temmew fi draw ta’ 1-1. Il-partita żvolġiet fit-tieni taqsima meta kien Hwang Hee-chan li għamilhom 1-0 fit-53 minuta. Aston Villa wieġbu mal-ewwel u żewġ minuti wara għamlu l-iskor indaqs permezz ta’ Pau Torres. Wolves temmew il-partita bi player anqas meta tkeċċa Mario Lemina.