Futbol Sport

Rebħiet importanti għat-timijiet ta’ Ruma, Napoli jerġgħu jiddiżappuntaw

(Ritratt: EPA)

Rebħa drammatika ta’ 3-2 għal Lazio kontra Atalanta. Lazio jiftħu vantaġġ doppju kmieni fil-partita meta wara ħames minuti kien awto-gowl ta’ De Ketelaere u sitt minuti wara kien Valentin Castellanos li għamilhom 2-0. Ederson naqqas l-iskor għal Atalanta fit-33 minuta. It-tim minn Bergamo għamel l-iskor indaqs f’nofs it-tieni taqsima permezz ta’ Sead Kolasinac iżda Matias Vecino skorja dak li kellu jkun il-gowl tar-rebħa għal Lazio fit-83 minuta.

Roma kisbu rebħa oħra importanti fil-kampjonat meta f’Sardenja għelbu lil Cagliari 4-1. Żewġ gowls f’temp ta’ minuta u nofs minn Houssem Aouar u Romelu Lukaku fetħu vantaġġ doppju għal Roma. Fit-tieni taqsima, Andrea Belotti u gowl ieħor ta’ Lukaku għamlu l-iskor 4-0 biex lejn it-tmiem penalty ta’ Nahitan Nandez naqqas l-iskor għal Cagliari.

Diżappunt ieħor għal Napoli hekk kif fi Stadio Diego Maradona sfaw megħluba 3-1 minn Fiorentina. Kienu l-Viola li marru fil-vantaġġ permezz ta’ Josip Brekalo, b’Victor Osimhen iġib id-draw permezz ta’ penalty. Giacomo Bonventura reġa poġġa lil Fioretina fil-vantaġġ fit-tieni taqsima, biex lejn it-tmiem Nicolas Gonazlez għamel l-iskor finali 3-1.

Monza kisbu rebħa konvinċenti ta’ 3-0 f’darhom kontra Salernitana. Andrea Colpani poġġa lil Monza fil-vantaġġ wara disa’ minut biex Samuele Vignato għamilhom 2-0 fit-18-il minuta. Matteo Pessina niżżel ismu fost l-iskorers permezz ta’ penalty fit-82 minuta.

Frosinone rritornaw għar-rebħ meta għelbu lil Verona 2-1. Reinier poġġa lil Frosinone fil-vantaġġ ftit qabel tmiem l-ewwel taqsima, biex Matias Soule għamilhom 2-0 fis-66 minuta. Milan Djuric naqqas l-iskor għal Verona ftit sekondi mit-tmiem.