Morsa dejjem tagħfas madwar Robert Abela b’persuni influwenti madwaru stess issa jitkellmu ma’ awtoritajiet barranin u jwasslu l-messaġġ li pajjiżna ma jistax jibqa’ sejjer f’din id-direzzjoni ta’ dekadenza kbira u “free-fall” li se tkun waħda ta’ kollass b’konsegwenzi serji fuq il-futur ta’ pajjiżna u tal-poplu Malti.
‘Ġurdien Xiħ’ li spiss jitkellem ma’ Il-Mument żvela magħna kif ta’ Kastilja stess huma konxji minn kampanji lil hinn minn xtutna li persuni ‘qrib’ ta’ Robert Abela u li ‘jridulu l-ġid’ qegħdin jgħaddu messaġġi veritieri fuq livell internazzjonali u ma’ awtoritajiet influwenti dwar in-nuqqas ta’ arti u ħila fil-mestier ta’ Robert Abela.
Sensiela twila ta’ deċiżjonijiet żbaljati, skandli kbar u abbużi jiddominaw it-tmexxija ta’ Robert Abela minn ftit tax-xhur lil hawn biex wieħed ma jmurx lil hinn minn qabel il-perjodu tas-sajf. Fost l-oħrajn dawn id-deċiżjonijiet żbaljati jiffukaw fuq id-deċiżjoni tiegħu li jipprova jdaħħal l-abort biex imbagħad kellu jirtira kollha u d-deċiżjoni żbaljata oħra kbira tiegħu li ma jagħmilx inkjesta pubblika dwar it-traġedja ‘Jean Paul Sofia’ biex imbagħad meta ra n-nies fit-toroq irtira kollox ukoll.
Imma lil hinn minn dawn qegħdin jissemmew ukoll diversi skandli kbar li kellna fl-aħħar ġimgħat, fosthom l-iskandlu ta-xiri tal-vot fl-Elezzjoni Ġenerali li għaddiet, l-iskandlu li heżżeż lil pajjiżna dwar skema struttutata bl-involviment ta’ Kastilja fl-għoti tal-benefiċċji soċjali, u l-iskandlu kbir attwali dwar skema oħra organizzata dwar il-ħruġ ta’ liċenzji għas-sewqan minn Transport Malta.
Dawn f’katina twila ta’ nuqqasijiet kbar u serji ta’ nuqqas ta’ kompetenza u ħila li rriżultaw matul il-ġimgħat tas-sajf li għadda, fosthom il-qtugħ tad-dawl b’mod ripetut f’għadd kbir ta’ lokalitajiet b’Robert Abela jfarfar fuq il-Ministru Miriam Dalli u l-kollaboraturi tagħha. Imma mhux biss għaliex imbagħad faqqgħet – u għadha għaddejja – il-kriżi tal-ġbir tal-iskart meta Robert Abela wera li tilef fuq kredibbiltà ta’ tmexxija b’pajjiżna jispiċċa b’boroż ta’ kull tip tal-iskart imxerrda ’l hawn u ’l hemm… anki f’żoni turistiċi.
Fuq kollox il-messaġġi li qegħdin jintbagħtu lil hinn minn xtutna huma li Robert Abela kien l-arkitett li fassal mudell ekonomiku għal pajjiżna billi jifqa’ lil Malta bil-barranin u hekk il-popolazzjoni ta’ Malta, f’temp ta’ ftit żmien biss, splodiet u llum għandna problemi serji fis-servizzi, fid-drenaġġ, fid-dawl, fl-Isptar Mater Dei li mhux ilaħħaq mad-domanda, fit-traffiku…
‘Ġurdien Xiħ’ qalilna li l-messaġġ li qiegħed jintbagħat anki fi strutturi tal-Unjoni Ewropea hu li l-awtoritajiet hemm hekk ma jistgħux ma jkunux sensittivi għal dak li qiegħed jiġri f’Malta kaġun tat-tmexxija żbaljata ta’ Robert Abela fejn il-korruzzjoni hu stat ta’ fatt li hi istituzzjonalizzata u għandha l-barka ta’ Kastilja.
Dan fid-dawl tal-fatt li d-dejn tal-pajjiż matul l-2022 laħaq it-€8,829.9 miljun, wara li l-Gvern irreġistra defiċit ta’ €900.3 miljun. Dan fisser li d-dejn tal-Gvern żdied b’€732.5 miljun f’sena. Statistika tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika turi li l-ispiża rikorrenti tal-Gvern matul l-2022 żdiedet b’€117.8 miljun, waqt li l-ispiża fuq il-bini u l-manutenzjoni tat-toroq naqset b’€37.2 miljun. Iċ-ċifri provduti juru wkoll kif sas-sena li għaddiet, l-ispiża fuq id-dejn kienet ta’ aktar minn €170 miljun fis-sena.
Hu ovvju li Robert Abela ma għandu l-ebda pjan serju biex joħroġ lil Malta minn dan ix-xenarju tat-tħassib u kemm-il darba l-affarijiet mhux se jieħdu żvolta differenti u dan b’mod immedjat, allura matul din il-ġimgħa l-Gvern se jkun falla u għalaq l-Air Malta, iżda issa jmiss li l-istess xorti tasal fuq pajjiżna hekk kif Robert Abela, fir-rigward tal-ekonomija – qiegħed jilgħab tassew man-nar u d-dekadenza hi b’ritmu qawwi.
Hemm Ministri u membri tal-Grupp Parlamentari Laburista li huma mħassba dwar ix-xenarju li qiegħed jiżviluppa fit-Tmexxija ta’ pajjiżna minn Robert Abela li l-uniku mod biex jipprova jżomm l-appoġġ tan-nies hu billi għal kull skuża ta’ xejn iqassam iċ-ċekkijiet… bil-popu Malti u Għawdxi issa jirrealizza tajjeb ħafna li dawn m’huma ċekkijiet ġenwini xejn għaliex aħjar il-Gvern jikkumbatti l-għoli tal-ħajja u l-inflazzjoni milli eluf ta’ familji qegħdin isibuha diffiċli biex ilaħħqu sal-aħħar tax-xahar minħabba li l-ħruġ tagħhom hu ferm akbar mid-dħul ċkejken li għandhom.
//= $special ?>