Lokali

Robert Abela mhux qed jindirizza l-problemi ta’ pajjiżna

“Aħna viċin in-nies”.

Din kienet l-għajta tal-Partit Laburista fil-konferenza ġenerali li saret il-Ħadd filgħodu. Dan minkejja li ġimgħa wara ġimgħa, il-pajjiż u l-poplu Malti qed isofru konsegwenzi kbar, minħabba l-iskandli li ġabu kolass fl-ekonomija, fis-saħħa u fil-kwalita tal-hajja.

Dan qed iseħħ wara li l-Gvern ta’ Robert Abela, ippermetta s-serq tal-benefiċċji soċjali, serq ta’ flus li suppost marru ghand nies vulnerabbli….kif ukoll, ipperikola l-ħajja tal-poplu Malti wara li ppermetta li uffiċjali mill-Gvern, u l-partit tal-Labour, jitolbu għajnuna sabiex jieħdu l-liċenzja tas-sewqan individwi li ma ħaqqhomx ikunu fit-toroq  Maltin. Serq u periklu, li skont il-Prim Ministru u l-membru parlamentari Glen Beddingfield huma biss gossip u statements foloz.

Fejn dan tal-aħħar saħansitra attakka lill-midja tal-PN li l-iskandli, li skonthu hu huma gossip, qed jingħataw iżjed importanza mill-aħbarijiet reali.

Waqt il-konferenza tal Hadd…Robert Abela saħansitra insista, anke wara li ġie żvelat li ngħataw il-liċenzji tas-sewqan lil persuni li ma kellhomx il-kapaċitjiet isuqu…li l-Gvern tiegħu saħħaħ id-dixxiplina fit-toroq Maltin dan wara li ġew spezjonati l-liċenzji u l-permessi tal-Y plates illegali – permessi li ta il-Gvern tieghu stess. 

Robert Abela tkellem ukoll dwar l-importanza li l-barranin li jiġu f’pajjiżna jkunu ta’ kwalità, minkejja li ż-żieda fil-popolazzjoni li ppermetta l-Gvern tal-Labour ikkaġunat piż enormi fuq l-ekonomija ta’ Malta. Ekonomija li bħalissa qed turi li mhux tiflaħ għal dan l-influss.

Hu kompla jgħid li l-ekonomija Maltija bħalissa għaddejja minn transizzjoni. Dan wara li din il-ġimgħa stess, Robert Abela stqarr li hu mhux se jkun qed ibiddel l-mudell ekonomiku ta’ pajjiżna.

Fil-konferenza ġenerali, Robert Abela kompla jattakka billi nfexx f’diskors partiggjan.

U l-Ministru Owen Bonniċi, fl-istess konferenza, stqarr li l-Gvern għandu jaħdem sabiex itejjeb il-kwalità tal-ħajja tal-Maltin u Għawdxin.

Iżda kuntrarju għal dan kollu, l-PN ilu xhur sħaħ ifakkar fil-proposti sabiex pajjiżna jkun jista’ jiġġieled il-pjaga tal-għoli tal-ħajja. 

Apparti minn hekk, Robert Abela ftaħar ukoll bil-linja nazzjonali tal-ajru, l-istess linja li l-Gvern tieghu spicca falla, biex ghalqet il-bibien taghha darba ghal dejjem.