L-isfidi ta’ San Pawl il-Baħar huma kbar u jolqtu bosta oqsma tal-ħajja ta’ kuljum u ta’ kull min jgħix f’din il-lokalità, b’mod speċjali fejn tidhol is-sigurtà fil-lokal, l-istorbju eċċessiv minn ċerti negozji li ma jħallux lir-residenti fil-kwiet ta’ darhom u attwalment l-ikbar problema ta’ bħalissa hija l-indafa flimkien mal-ġbir tal-iskart.
Il-lokalità ta’ San Pawl il-Baħar tinkludi Buġibba, Burmarrad, il-Qawra u x-Xemxija, kif ukoll numru ta’ nħawi iżgħar, bħal-Limbordin, Għajn Rihana, il-Pwales, San Martin u l-Wardija.
Dwar dak li qiegħed jiġri f’dawn il-lokalitajiet fil-jiem li għaddew tkellimt fit-tul mad-Deputat Nazzjonalista Graziella Galea li flimkien flejna fid-dettall dak li qegħdin jesperjenzaw ir-residenti li spiss ħafna jilmentaw dwar dak li ta’ kuljum ikollhom iħabbtu wiċċhom miegħu u għall-fatt li la l-Gvern Ċentrali u anqas il-Kunsill Lokali bħal donnu ma jimpurtahom mill-veru ġid ta’ dawn il-postijiet.
Il-kwistjoni tal-popolazzjoni
Bdejna biex tkellimna dwar il-kwistjoni tal-popolazzjoni esaġerata fiż-żona ta’ San Pawl il-Baħar u Graziella Galea bdiet biex fissret li
wieħed irid jiftakar kif matul is-snin li għaddew San Pawl il-Baħar kiber b’mod drastiku ħafna. Il-popolazzjoni iktar minn irduppjat matul l-aħħar gġaxar snin u l-istess popolazzjoni hi kważi ħames darbiet iktar milli kienet 25 sena ilu.
Illum numri uffiċjali juru li din il-popolazzjoni qabżet il-35,000 persuna. L-aħħar ċifri mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika juru li fil-fatt matul l-aħħar sena biss l-istess popolazzjoni żdiedet bi ħdax fil-mija.
Graziella Galea fissret li hemm il-probabbiltà kbira li fil-fatt l-istess popolazzjoni b’mod tassew reali taqbeż ferm il-35,000 persuna li hemm indikati fl-istatistika uffiċjali. Meta nitkellmu fuq popolazzjoni ma nistgħux nieqfu biss fuq in-numri. Irridu naraw din l-istess popolazzjoni kif inhi magħmula. Illum jirriżulta li l-popolazzjoni ta’ San Pawl il-Baħar ġejja minn iktar minn mitt nazzjonalità differenti bid-differenzi kollha li dan il-fatt waħdu jġib miegħu.
Daqqa t’għajn lejn l-Iskola Primarja tal-Qawra kif ukoll lejn l-Iskola Primarja ta’ San Pawl il-Baħar turi li fl-Iskola tal-Qawra u f’dik ta’ San Pawl il-Baħar hemm iktar tfal barranin milli hemm tfal Maltin.
“Minn Domanda Parlamentari li ressaqt, jirriżulta li fl-Iskola tal-Qawra, minn 894 student hemm 584 student barrani filwaqt li fl-Iskola ta’ San Pawl il-Baħar minn 563 student hemm 337 student ta’ nazzjonalità barranija. Fl-istess ħin qegħdin jiġu joqogħdu Maltin minn kull belt u raħal li hawn f’Malta,” fissret Graziella Galea.
Hi kompliet li l-fatt li hemm tant tfal minn nazzjonalitajiet differenti li jattendu dawn l-iskejjel qiegħed iġib miegħu wkoll sfidi ġodda għall-għalliema f’dawn l-iskejjel, fejn mhux dejjem ikun faċli li tingħata lezzjoni fl-istess klassi.
Filwaqt li sellmet lill-għalliema għax-xogħol tajjeb li qed jagħmlu tant li b’dedikazzjoni kbira qegħdin jagħmlu ħilithom kollha, fissret li però d-diffikultajiet hemm qegħdin u l-isfidi huma diffiċli ferm.
Hu kompla li meta l-popolazzjoni splodiet kif fil-fatt splodiet, u meta għad ma hemmx integrazzjoni soċjali, hu naturali li jkun hemm diffikultajiet li jinħolqu.
Is-soċjetà tal-lokalità mhix waħda omoġenja fl-ebda sens. Illum, minbarra n-nazzjonalitajiet li minnhom ġejjin, ir-residenti ta’ San Pawl il-Baħar, hemm ukoll realtajiet soċjali oħra li wieħed irid janalizza sew biex ikun f’qagħda li jista’ jieħu miżuri tant importanti biex is-soċjetà tkun tista’ timxi ‘l quddiem.
“Risposta għal Domanda Parlamentari li kelli din il-ġimgħa turi li hemm 961 ġenitur wieħed (single parent) li joqgħod f’San Pawl il-Baħar u li jieħu ċ-children’s allowance, Minn dawn 21 huma rġiel filwaqt li 940 huma nisa.”
Dawn huma numri li jindikaw realtajiet soċjali partikulari, imma biex wieħed ikun jista’ jagħraf il-veru entità ta’ din il-formazzjoni soċjali, hemm ħtieġa ta’ analiżi ferm iktar profonda, enfasizzat Graziella Galea li kompliet li dak li hu żgur hu li s-soċjetà hi kumplessa ħafna.
Hemm bżonn ta’ miżuri li permezz tagħhom ir-residenti jkunu jistgħu jersqu iktar lejn xulxin. Minkejja l-isforzi li jsiru minn individwi u mill-parroċċi, xorta għadna ‘l bogħod ħafna milli jkollna tagħrif komplet dwar is-soċjetà.
Ħadd ma kien jaħseb li l-popolazzjoni kienet se tinbidel b’dan il-mod, jew li ser tinbidel b’rata daqshekk mgħaġġla u minkejja xi miżuri li kultant jittieħdu, xorta għad jonqos ħafna biex verament ikollna soċjetà li tagħraf u tapprezza d-differenzi ta’ bejnietna u l-mod ta’ kif nistgħu ngħixu aħjar flimkien.
Il-bżonnijiet tas-soċjetà f’din il-lokalità kibru ferm u ħafna minn dawn l-istess bżonnijiet mhux qegħdin jiġu indirizzati, jew mhux qegħdin jiġu indirizzati bl-aħjr mod possibbli.
Graziella Galea kompliet li matul l-aħħar snin bosta djar li kienu jeżistu twaqqgħu u minflokhom telgħu blokki ta’ appartamenti. Minbarra hekk, kif inhu magħruf, l-appartamenti li qegħdin jinbnew illum huma iżgħar minn dawk li kienu jinbnew sa ftit tas-snin ilu.
Issa qiegħed jirriżulta li tletin fil-mija tal-proprjetajiet mibnija wara l-2016 għandhom inqas minn erbat’ikmamar, ukoll jekk mhux magħruf dan x’ifisser sew.
Hu magħruf ukoll li numru sew ta’ appartamenti ġodda li qegħdin jinbnew huma żgħar ferm u fejn dawn huma mikrija qiegħed ikun hemm iktar persuni joqogħdu fihom. Dan qiegħed iġib miegħu densità ta’ popolazzjoni ikbar milli qatt kellna.
In parentesi tajjeb li jkun spjegat li skont l-aħħar Ċensiment il-popolazzjoni ta’ San Pawl il-Baħar irdoppjat fl-aħħar għaxar snin biex issa laħqet aktar minn 32,000 persuna.
Mill-għaxar snin li għaddew mindu sar l-aħħar Ċensiment, il-popolazzjoni ta’ Malta żdiedet b’aktar minn 100,000 biex b’hekk laħqet 519,562 persuna.
Iċ-ċensiment sar fl-2021 u sab li hemm 115,449 barrani jgħix f’Malta, li jfisser li wieħed minn kull ħames persuni huwa barrani.
Dawn iż-żidiet ovvjament ġew riflessi fit-tkabbir tal-popolazzjonijiet tal-lokalitajiet ta’ Malta u Għawdex li kibru sostanzjalment f’dinja għalkollox differenti mill-2011.
Il-popolazzjoni ta’ Malta hija 480,275 filwaqt li dik ta’ Għawdex hija 39,287. Ta’ min jinnota li l-popolazzjoni Għawdxija kibret bi 8,000 persuna mill-aħħar Ċensiment.
Il-lokalità li rreġistrat l-akbar popolazzjoni hija San Pawl il-Baħar b’32,042 persuna.
It-tieni u t-tielet lokalitajiet li rreġistraw l-akbar popolazzjoni huma Birkirkara b’25,807 persuni u l-Mosta b’23,482 persuna.
Il-lokalità fin-Nofsinhar bl-akbar popolazzjoni hija Ħaż-Żabbar bi 17,148 persuna filwaqt li l-Fgura rreġistrat popolazzjoni ta’ 13,066 persuna u Ħal Tarxien b’9,464 persuna.
Fix-Xlokk ta’ Malta, il-lokalità bl-akbar popolazzjoni hija Marsaskala b’16,804 persuni filwaqt li t-tieni u t-tielet lokalitajiet bl-akbar popolazzjoni huma ż-Żejtun bi 12,409 persuni u ż-Żurrieq bi 12,295 persuna.
Il-lokalità fil-Punent ta’ Malta bl-akbar popolazzjoni huwa Ħaż-Żebbuġ bi 13,785 persuna. Ħ’Attard irreġistra popolazzjoni ta’ 12,268 persuna u r-Rabat bi 11,936 persuna.
Jekk niflu ftit liema kienu l-lokalitajiet li kibru l-aktar insibu għal darb’oħra li San Pawl il-Baħar irreġistra żieda astronomikali fl-aħħar snin hekk kif il-popolazzjoni tiegħu ta’ 16,395 persuna fl-2011 prattikament irdoppjat. Din hija żieda ta’ 95 fil-mija.
Marsaskala rreġistrat żieda ta’ 52 fil-mija mill-2011 meta kellha popolazzjoni ta’ 11,059 persuna.
Is-Swieqi u San Ġiljan ilkoll irreġistraw żidiet sinifikanti ta’ 49 fil-mija u 44 fil-mija rispettivament. Fl-2011, dawn iż-żewġ lokalitajiet fir-reġjun tal-Port kellhom popolazzjonijiet ta’ 8,755 u 8,067.
Fil-Mellieħa ġiet irreġistrata żieda ta’ 47 fil-mija mill-2011 meta l-popolazzjoni kienet ta’ 8,661 filwaqt li fin-Naxxar ġiet irreġistra żieda ta’ 31 fil-mija minn meta l-popolazzjoni kienet ta’ 12,875 fl-2011.
Iċ-Ċensiment wera wkoll żieda sinifikanti ta’ 44 fil-mija fil-popolazzjoni ta’ Tas-Sliema li fl-2011 kellha popolazzjoni ta’ 13,621.
Il-kwistjoni tat-telqa u tan-nuqqas ta’ indafa
Hawnhekk tkellimna dwar il-kwistjoni tal-indafa – jew in-nuqqas ta’ ndafa – f’San Pawl il-Baħar u Graziella Galea fissret li sfortunatament f’San Pawl il-Baħar hemm sens ta’ abbandun.
“Donnu li kull ħaġa li ssir trid issir bi sforz kbir. Jekk tħares lejn waħda mill-iktar bżonnijiet bażiċi li għandna, dik tal-indafa, malajr nindunaw kemm huma kbar il-bżonnijiet. Jekk tħares lejn il-knis issib problemi. Jekk tħares lejn il-ġbir tal-borża s-sewda għandek problemi kbar. Jekk tħares lejn il-ġbir ta’ skart ieħor hemm abbandun totali. U dan minkejja l-eluf ta’ ewro li jintefqu kull xahar.”
Hi kompliet li meta f’Jannar li għadda nbidlet is-sistema tal-ġbir tal-iskart, il-problemi marbutin mal-ġbir tal-istess skart komplew jikbru.
Illum ninsabu f’sitwazzjoni fejn f’San Pawl il-Baħar l-iskart qed idum ma jinġabar, bir-residenti u t-turisti mixjin biż-żibel jew ħmieġ fuq il-bankini, fit-toroq u fil-pjazez.
“Nistaqsi x’miżuri qiegħed jieħu l-Gvern biex verament iżomm din il-lokalità u lokalitajiet oħra turistiċi nodfa? Nistaqsi xi studji għamel il-Gvern qabel ma ddeċieda li sistema waħda ta’ ġbir ta’ skart hi applikabbli għal kull lokalit? Dan meta nafu li lokalitajiet bħal San Pawl il-Baħar għandhom ħtiġijiet u realtajiet differenti minn dawk ta’ postijiet oħra.
“Fit-toroq ta’ spiss naraw il-vannijiet bir-reklami fuqhom jirreklamaw xi dipartiment tal-Gvern. Iżda fil-verita x’qiegħed isir? Dak li qiegħed isir il-Gvern qed jikkunsidrah bħala biżżejjed?”
Graziella Galea kompliet tistaqsi x’infurzar qiegħed isir għal min ma jimxix mal-obbligi tiegħu dwar ir-rimi tal-iskart? “Insaqsi wkoll x’qiegħed jagħmel il-Kunsill Lokali biex jassigura li r-reġjun ibiddel is-sistema tal-ġbir tal-iskart li ma tagħmilx sens għal postijiet bħal San Pawl il-Baħar?
“Jew issa sempliċement qiegħed jintefa’ t-tort fuq ir-regjun dwar in-nuqqas ta’ ndafa? Nistaqsi wkoll x’azzjoni qed tittiehħed fuq il-fatt li l-iskart qed idum sigħat wara l-ħin avżat fl-iskeda tal-ġbir tal-iskart biex jinġabar? Il-verità hi li din hi sistema ta’ ġbir ta’ skart li falliet qabel ma bdiet.”
Hi qalet li temmen li s-sistema tal-ġbir tal-iskart trid tinbidel biex tkun tlahhaq mal-bżonnijiet tal-lokalità. Jekk le, se nibqgħu naffaċċjaw realtà ta’ ħmieġ kbir madwarna. U min se jbati minn dan kollu? Mhux biss ir-resident, imma wkoll dawk kollha li jiġu f’San Pawl il-Baħar għal diversi raġunijiet.
Fl-istess ħin dawk responsabbli jridu jaraw li l-knis fit-toroq tagħna għandu jsir b’mod iktar regolari u frekwenti, għaliex inkella jibqa’ jkollna toroq maħmuġin li jagħtu dehra kerha tal-post kollu kemm hu.
Matul is-snin ngħad ħafna kliem dwar kif kellha tinbidel għall-aħjar is-sistema, iżda, sfortunatament bqajna lura. Hemm wisq bidliet li jridu jseħħu, u li ma ġewx indirizzati, biex l-indafa tkun aħjar.
Kif inhu magħruf, minbarra l-iskart li jiġi ġenerat mir-residenti hemm ukoll l-iskart li jiġi ġenerat mill-bosta postijiet kummerċjali li għandna. Ma hemmx sistema waħda ta’ kif jinġabar dan l-istess skart u allura kulħadd għandu l-mod tiegħu ta’ kif jipprova jindirizza din il-problema u dan bil-konsegwenza li jkun hemm riżultati ħżiena. Meta l-iskart idum sigħat sħaħ jistenna biex jinġabar, dan iwassal għal problema oħra, u ċioà dik tal-ġrieden jiġru ma’ kullimkien.
Il-kwistjoni tan-nuqqas ta’ Pulizija u tal-Għases magħluqa
Kwistjoni oħra li tkellimna dwarha kienet dik dwar in-nuqqas ta’ Pulizija u tal-Għases magħluqa u Graziella Galea fissret li r-residenti ta’ San Pawl il-Baħar huma inkwetati ferm dwar is-sigurtà tagħhom.
Sfortunatament huma spissi ferm il-każijiet fejn qiegħed jinqalgħu problemi ta’ sigurtà, kemm fit-toroq tagħna kif ukoll, f’xi każijiet, fil-binjiet residenzjali.
L-Għassa ta’ San Pawl il-Baħar għadha magħluqa. L-Għassa tal-Qawra, minkejja li miftuħa u minkejja l-isforz kbir li jsir mill-Pulizija, xorta għandha wisq attività li trid tieħu ħsieb u biex jiġi assigurat li l-Pulizija jagħmlu dak kollu meħtieġ, għandhom bżonn ta’ ferm iktar Pulizija u support loġistiku.
Wara snin ta’ stennija, illum għandna s-Servizz tal-Pulizija tal-komunità. Dan il-fatt qiegħed jgħin matul il-jum, imma jkun sew jekk l-istess Servizz ikun estiż ukoll għal ħin itwal u jekk jista’ jkun għal 24 siegħa kuljum f’diversi żoni.
Hu evidenti li dawn l-inħawi għandhom bżonn ta’ preżenza iktar qawwija ta’ Pulizija. Meta għandek daqstant residenti u għandek daqstant negozji u għandek bżonnijiet konfliġġenti l-preżenza tal-Pulizija trid tkun waħda ferm iktar qawwija.
Il-Gvern irid jibgħat biżżejjed Pulizija biex ilaħħqu mal-bżonnijet tal-post. Hu kollu għalxejn li ngħidu li hemm biżżejjed Pulizija, meta r-residenti jibqgħu jaffaċċjaw nuqqas ta’ sigurta. Fil-fatt, sforunatament dan iġib miegħu nuqqas ta’ fiduċja fl-istess Pulizija. Dan mhux ġust
fuq il-membri tal-Korp tal-Pulizja li jridu jlaħħqu ma tant realtajiet differenti.
L-istess Pulizija jridu jkunu attrezzati għax-xogħol li jridu jaffaċċjaw. Sfortunatament ir-residenti jilmentaw mill-fatt li jdum ma ikollhom rispons għat-talbiet tagħhom. Dan iżda qiegħed jirriżulta minħabba n-nuqqas ta’ Pulizija fl-Għsses u minħabba l-fatt li l-istess Għases mhumiex attrezzati biżżejjed skont il-bżonnijiet tal-lokalità.
“Problema komuni fil-lokalitajiet turistiċi hi dwar l-istorbju. Wara Domandi Parlamentari li għamilt jirriżulta li l-Pulizija m’għandhomx apparat biex ikunu jistgħu jkejlu l-livelli ta’ storbju. I
“rrizulta ukoll li fil-ftit każijiet fejn ittieħdu passi fuq l-istorbju, iktar iva milli le, min kien akkużat kien fil-fatt illiberat, ir-raġuni għal dan probabbli tkun għaliex ma setax jiġi ppruvat x’livell ta’ storbju kien hemm.
“Ir-residenti jħossu li l-ilmenti tagħhom dwar dan mhux qegħdin jingħataw l-ebda attenzjoni u jkomplu jaqtgħu qalbhom li xi ħadd jagħti kas tat-talbiet tagħhom,” enfasizzat Graziella Galea.
Il-kwistjoni tal-Berġa u Ċentru tas-Saħħa f’San Pawl il-Baħar
Mistoqsija dwar il-Berġa f’San Pawl il-Baħar, Graziella Galea qal li “darba kellna Berġa fiċ-ċentru tar-raħal. Din ingħalqet. Issa jidher li nħoloq misteru fuq il-Berġa f’San Pawl il-Baħar.
“Wara diversi Domandi Parlamentari, ġejt infurmata mid-Deputat Prim Ministru li d-dokumenti għas-sejħa għall-kiri ta’ sit kienu se jiġu ppublikati fil-jiem ta’ wara però ma tpoġġietx fuq il-Mejda tal-Kamra s-site plan li tindika fejn se tkun din il-klinika. Għalkemm erġajt saqsejt dwar dan is-sit, ġejt referuta għall-istess Mistoqsija Parlamentari. Nistennew u naraw meta se tibda tiffunzjona din il-Berġa!”
Hi qalet li “nafu li Ċentru tas-Saħħa hu tant bżonnjuż, speċjalment minħabba ż-żieda tal-popolazzjoni fiż-żona ta’ fuq ta’ Malta. “Nistieden lill-Ministru biex jagħmel konsultazzjoni xierqa ma’ kull min se jkun affettwat speċjalment mar-residenti. Ejjew naraw li dan il-proġett tant bżonnjuż verament iħalli impatt tajjeb.”
Il-kwistjoni tan-nuqqas ta’ parkeġġ
Tkellimna wkoll dwar il-kwistjoni tan-nuqqas ta’ parkeġġ u Graziella Galea fissret kif iktar bini, iktar nies, iktar karozzi u iktar problemi ta’
parkeġġ qegħdin ikunu esperjenzati kuljum fil-lokalità ta’ San Pawl il-Baħar.
L-indikazzjonijiet kollha huma li r-residenti f’San Pawl il-Baħar se jkomplu jiżdiedu b’mod qawwi. Matul l-aħħar snin, bil-bini ta’ blokki kbar ta’ residenzi u b’appartamenti li huma ferm iżgħar milli konna mdorrijin bihom żdiedu ferm il-karozzi fit-toroq ta’ San Pawl il-Baħar.
Il-problema tal-parkeġġ saret waħda kbira ħafna. Minkejja l-flus li nġabru matul is-snin bl-iskop li jkun hemm parkeġġi, xorta waħda għad għandna problemi kbar ta’ parkeġġ.
Kull triq għandha l-problemi tagħha. Għalhekk hu meħtieġ li fil-fatt isir pjan biex ikun hemm spazji għall-parkeġġ. Nemmen ukoll li wasal iż-żmien biex ir-residenti jingħataw prijorità għal dak li jikkonċerna l-parkeġġ f’partijiet minn ċertu toroq.
Wara snin twal moħlija dwar il-parkeġġ ta’ taħt l-Iskola tal-Qawra, f’dawn il-ġranet il-parkeġġ ‘infetaħ’. Hi ħasra li ntilef tant żmien biex jinfetaħ dan il-parkeġġ u wara dan iż-żmien kollu jidher li xorta dan ma nfetaħx kif kien ippjanat li jinfetah.
“U hawn nistaqsi, ladarba l-Kunsill issa qabad u fetaħ dan il-parkeġġ, ma setax għamel dan kollu qabel? Flok ħalla lir-residenti iduru għal ħin twil ifittxu parkeġġ, jaqilgħu ċitazzjonijiet u jkollhom il-vetturi tagħhom ivvandalizzati.
Il-kwistjoni tal-iżbroff tad-drenaġġ
Is-sistema tad-drenaġġ li għandna fil-lokalità ma tlaħħaqx mal-bżonnijiet tal-istess popolazzjoni li kibret kif spjegajt qabel.
Il-main prinċipali tad-drenaġġ għadu l-istess wieħed li sar madwar ħamsin sena ilu meta l-popolazzjoni kienet ferm inqas minn kwart ta’ li hi llum.
B’xi mod kienet tlaħħaq mal-bżonnijiet ta’ dak iż-żmien. Imma dak li kien tajjeb ħamsin sena ilu, illum m’għadux ilaħħaq mal-bżonnijiet. Saru numru ta’ bidliet, imma għal darba oħra hemm il-ħtieġa li s-sistema kollha tiġi studjata sew, u partijiet minnha tiġi mibdula għalkollox.
Huma spissi wisq il-każijiet fejn id-drenaġġ qed jispiċċa l-Baħar. Dan qed iwassal ukoll għal problemi ohra marbuta ma’ l-istess Baħar. Kull meta jkun hemm fawran tad-drenaġġ ikun hemm problemi marbutin
mas-saħħa. Matul dan is-sajf kellna numru sostanzjali ta’ każijiet fejn id-drenaġġ spiċċa fil-Baħar.
Agħar minn hekk dan l-isbroff tad-drenaġġ seħħ f’partijiet differenti minn xulxin. Kellna fawran fil-Qawra, fejn il-perched beach, fejn il-pjazza ta’ Buġibba, fejn il-Menqa ta’ San Pawl il-Baħar, fejn l-Iskola Primarja, u fil-bajja tax-Xemxija. Dawn postijiet li kienu magħrufa uffiċjalment. In-nies jilmentaw fuq inħawi oħra fejn ikun jidher li hemm id-drenaġġ li jkun fil-Baħar.
Dan kollu juri li fil-fatt hemm bżonn ta’ ħafna iktar investiment milli sar sa issa. Filwaqt li l-Gvern qed jibbaża s-soluzzjoni għall-problema tad-drenaġġ fuq mina li qed jingħad li se tiswa iktar minn €6 miljun, hu evidenti li hemm bżonn ferm ta’ iktar investiment biex il-problema tiġi indirizzata. Bil-mina waħidha mhux se tissolva l-problema fit-300 triq li għandna fil-lokalità.
F’bosta toroq ta’ San Pawl il-Baħar hemm blokki ta’ bini li qegħdin jinbnew u dawn se jżidu sew in-numru ta’ residenzi li hemm u allura n-numru ta’ persuni li jgħixu fil-lokalità. Kollha għandhom il-bżonnijiet tagħhom li jridu jiġu indirizzati.
Tajjeb li wieħed isemmi wkoll li għad fadal partijiet minn San Pawl il-Baħar li għad m’għandhomx drenaġġ, ukoll jekk dawn huma nħawi żgħar. Bla dubju ta’ xejn li din il-problema trid tiġi indirizzata, enfasizzat Graziella Galea.
“Il-problema tad-drenaġġ hi biss waħda mis-sorsi ta’ tniġġiż li għandna madwarna. Iktar kmieni semmejt l-istorbju bla kontroll. Madanakollu x’ħin jinġabru l-problemi tad-drenaġġ flimkien mal-problemi tal-iskart, flimkien mal-problemi ta’ abbandun u wkoll il-bosta bankini li jinsabu fi stat ħażin ħafna, malajr tinduna li hemm bosta affarijiet li ma ġewx indirizzati.”
Il-kwistjoni tal-problema serja ta’ kostruzzjoni
Hawnhekk tkellimna dwar il-problema serja tal-kostruzzjoni u Graziella Galea qalet li r-residenti jilmentaw dwar il-kostruzzjoni. Wieħed jista’ jaqsam dawn l-ilmenti fi tnejn. L-ewwel hemm il-fatt fih innifsu li bosta toroq għandhom xi binja li qegħda tinbena fiha, jew għax twaqqa’ bini li kien jeżisti jew għaliex qegħdin jiżdiedu s-sulari fuq dak li kien hemm u l-ilment l-ieħor jolqot il-fatt li ċertu bini jdum snin twal jinbena qabel jitlesta.
Dawn iċ-ċirkostanzi jwasslu wkoll għal toroq li għandhom bosta problemi. Toroq li l-bankini tagħhom li mhumiex f’posthom. Bankini mhux aċċessibbli u bosta ċirkostanzi oħra ta’ dannu għar-residenti u kull min ikun f’din iż-żona.
Minkejja li suppost sar investiment ta’ mijiet ta’ eluf ta’ ewro fil-lokalità, wieħed jistaqsi fejn verament sar dan l-investiment.
Dawn huma biss uħud mir-realtajiet li jridu jaffaċċjaw ir-residenti ta’ San Pawl il-Baħar. Jibqa’ ħafna iktar x’jingħad dwar l-istat tal-bankini, l-istat ta’ numru ta’ toroq, l-istat tad-dawl fit-toroq tagħna, kif ukoll dwar żviluppi oħra li suppost ilhom lesti u li qatt ma nbdew, bħall-belveder ta Triq San Publiju, il-ġnien ta’ ħdejn Triq il-Knisja, il-Pjazza ta’ Buġibba u tant oħrajn li kellhom ikunu lesti u li għandhom lanqas inbdew.
Il-kwistjoni ta’ Kunsill Lokali bla saħħa
Fl-aħħarnett tkellimna dwar il-Kunsill Lokali bla saħħa li hemm f’San Pawl il-Baħar u Graziella Galea fissret li iva, sfortunatament il-Kunsill Lokali mhux effettiv kemm wieħed jistenna li jkun. “Konxja li hemm sfidi kbar li l-Kunsill mhux dejjem ilaħħaq magħhom, imma l-agħar ħaġa tinsab fil-fatt li fejn suppost il-Kunsill jitkellem biex jaqbeż għad-drittijiet tar-residenti rari tisma’ dan.”
Il-Kunsill Lokali jissemma’ biss meta jkun hemm xi press conference li tħabbar xi proġett li jew ma jsir qatt jew li jdum snin twal biex iseħħ. Ir-residenti jħossuhom frustrati dwar dan il-fatt.
Sfortunatament spiss jiġri wkoll li meta resident javviċina lill-Kunsill ir-risposta li jingħata tkun waħda li mhix sodisfaċenti u dan ikompli jżid il-frustrazzjoni tal-istess residenti, temmet Graziella Galea
//= $special ?>