Lokali

Survey ieħor juri li l-Partit Nazzjonalista jinsab fuq quddiem

Survey ieħor qed juri li l-Partit Nazzjonalista jinsab fuq quddiem, bid-distakk bejn iż-żewġ partiti huwa ta’ 5,000 vot. Bl-istħarriġ juri li l-Partit Nazzjonalista għandu 45.8% tal-voti filwaqt li l-Partit Laburista issa għandu 43.8%. Minn naħa l-oħra l-partiti l-oħrajn qed jimmarkaw illi għandhom l-appoġġ ta’ 10.5% tal-elettorat.

Dan is-survey tal-MaltaToday, li ġie ippubblikat il-Ħadd, huwa konferma oħra li l-poplu Malti u Għawdxi qed jitlef il-fiduċja fil-Gvern ta’ Robert Abela; Gvern li fl-aħħar ġimgħat affaċja skandlu wara ieħor.

Is-survey sar propju fil-perjodu meta f’pajjiżna ddominat l-aħbar dwar ir-racket mill-benefiċċji soċjali u meta ħareġ fil-beraħ l-iskandlu fit-testijiet tas-sewqan.

Skont dan l-istħarriġ, li kieku kellha ssir elezzjoni issa…29% ta’ dawk li ivvutaw għall-Partit Laburista fl-2022 issa ma joħorġux jivvutaw. Jidher ukoll li l-Partit Nazzjonalista żamm 77% tal-votanti filwaqt li l-Partit Laburista żamm biss 58%.

Madankollu s-survey juri li dawk in-nies li ma jridux joħorġu jivvutaw żdiedu b’mod sostanzjali fejn bħalissa huwa mbassar li f’elezzjoni ġenerali joħorġu jivvutaw biss 69% tal-votanti li jkun l-aktar turnout wieħed baxx fl-istorja ta’ pajjiżna.

Apparti minn hekk is-survey qed juri li dawk id-distretti magħrufin bħala Laburisti qed jitilfu l-fiduċja fil-Labour – u f’lokalitajiet bħal Birżebbuġa, Marsaskala u Żejtun, 36.4% tal-votanti ma jridux jivvutaw lill-Partit Laburista.

Dan l-istħarriġ jindika wkoll li l-Partit Nazzjonalista jinsab fuq quddiem f’4 reġjuni minn 6 – dawn huma In-Naħa ta’ Fuq ta’ Malta, In-naħa ta’ fuq tal-Port, il-Punent kif ukoll f’Għawdex.

Id-data turi li dawk li għandhom edukazzjoni terzjarja qed juru tendenza illi m’għandhomx fiduċja fil-Gvern ta’ Robert Abela hekk kif 19% biss jemmnu fil-Partit Laburista. Dan filwaqt li 36% lesti jivvutaw lill-Partit Nazzjonalista.