Lokali

Tmut Marika Bayliss – Kunsilliera f’isem il-PN

Aktar kmieni dalgħodu tħabbret il-mewt ta’ Marika Bayliss, Kunsilliera u eks-Viċi Sindku f’isem il-Partit Nazzjonalista fil-Kunsill Lokali ta’ San Ġwann.

Hi kienet Kunsilliera għal 4 darbiet konsekuttivi. Għal xi żmien kienet ukoll Viċi Sindku.

Marika Bayliss twieldet fit-25 ta’ Mejju 1962 u għaldaqstant kellha 61 sena.

Minkejja li kienet persuna bi bżonnijiet speċjali, qatt ma qatgħet qalbha milli tkun ta’ servizz għall-ħaddieħor.

Intant fi stqarrija, il-Partit Nazzjonalista jsellem il-memorja ta’ Marika Bayliss li ddedikat numru ta’ snin taħdem għall-Partit Nazzjonalista u għall-komunità ta’ San Ġwann. 

Apparti li kienet Kunsilliera u Viċi Sindku fil-Kunsill Lokali tal-lokalità, hi kienet ukoll involuta f’diversi għaqdiet, fosthom fil-Kor tal-Parroċċa u fil-Banda tal-lokal.

Il-Partit Nazzjonalista jesprimi l-kondoljanzi lill-qraba, il-familjari u l-ħbieb ta’ Marika.