Lokali

Vittma tal-kanċer u l-lewċemija jirċievi li jrid jirrifondi s-somma ta’ €4,900

Raġel ta’ 35 sena li għadda mill-marda tal-kanċer u kellu jiġġieled din il-marda tal-lewċemija grazzi għall-kura li kien jingħata fl-Isptar Mater Dei – fejn fost l-oħrajn kien jingħata wkoll il-kura permezz tal-kemoterapija – qiegħed jissielet issa fil-konfront tad-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali għal kont ta’ €4,900 li skont l-istess Dipartiment irid jirrifondi minħabba ħlasijiet żejda li ngħata.

Fil-jiem li għaddew din il-gazzetta ltaqgħet ma’ dan ir-raġel li qalilna li fis-snin għoxrin tiegħu kien għadda mill-marda kiefra tal-kanċer, tant li kellu jiddaħħal għall-kura fl-Isptar Mater Dei fejn kien mgħejjun jiġġieled il-kundizzjoni li kellu. Hu kien trattat fuq medda ta’ snin permezz ta’ kura li ngħatatlu skond numru ta’ tobba speċjalizzati li kien taħt il-kura u l-osservazzjoni tagħhom.

Naturalment f’dak il-perjodu diffiċli għal dan ir-raġel ma kellux saħħa biex jaħdem u waqa’ fuq il-benefiċċji soċjali approvati lilu kemm mit-tobba speċjalizzati u anki mill-awtoritajiet tad-Dipartiment tal-Benefiċċji Soċjali li jaqa’ taħt is-Sigurtà Soċjali.

Wara li dan ir-raġel irnexxielu jegħleb din il-marda u ħa saħħtu, reġa’ talab li jidħol mill-ġdid fis-suq tax-xogħol u għalhekk talab hu stess li jkun itterminat b’mod immedjat lilu l-benefiċċju li kien qiegħed jingħata.

Filwaqt li din it-talba ntlaqgħet mid-Dipartiment u l-benefiċċju soċjali li kien intitolat għalih twaqqaf minnufih. Dan wassal biex dan ir-raġel

seta’ mhux biss jidħol mill-ġdid fis-suq tax-xogħol, iżda jerġa’ jibda jibni mill-ġdid il-ħajja tiegħu.

Bħal sajjetta fil-bnazzi r-raġel f’jum minnhom irċieva ittra mid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali fejn intalab irodd is-somma ta’ €4,900. Dan ir-raġel, perpless b’din il-korrispondenza, spjega l-istorja tiegħu lill-istess Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali biex juri li hu qatt ma seraq xi flus u li l-każ tiegħu kien wieħed ġenwin saħansitra li kienu t-tobba speċjalizzati u l-esperti tad-Dipartiment li kienu approvawlu l-benefiċċju tas-sigurtà soċjali.

Fl-isfond ta’ dan ix-xenarju dan ir-raġel għadu sal-ġurnata tal-lum iffaċċjat minn din is-sitwazzjoni li jrid jirritorna dawn il-flus li kienu oriġinarjament ingħatawlu bħala għajnuna soċjali biex seta’ jgħix u jiġġieled il-marda tal-kanċer.

Hu qiegħed jitlob lid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali biex jipprevali s-sens komun u din it-talba tkun irtirata għaliex hu qatt ma talab biex jingħata xi benefiċċju li ma kienx intitolat għalih.