Dwar l-għoli tal-ħajja issa għandna narrativa ġdida. Dan wara li llum, s-Segretarju Parlamentari Alicia Bugeja Said spiċċat titfa’ botta diretta lejn in-nies – għaliex fi kliemha stess, in-nies jieħdu kollox “for granted”.
Net News staqsa lil Bugeja Said x’miżuri ser ikunu qegħdin jitħabbru fil-Budget sabiex tiġi indirizzata l-pjaga tal-għoli tal-ħajja u ż-żieda enormi fil-prezzijiet. Bis-Segretarju Parlamentari tisħaq li diġa’ qed isir ħafna.
Meta dan l-istazzjon għamel l-istess domanda lill-Ministu Anton Refalo, hu ma tana ebda soluzzjonijiet għall-kriżi tal-inflazzjoni – kriżi li qed tkompli tnaqqar is-saħħa tal-flus fl-idejn.
Is-Segretarju Parlamentari Alicia Bugeja Said qalet li l-għoli tal-ħajja hija realtà internazzjonali, biex tfarfar minn fuq ir-responsabbilta tal-Gvern. Iżda fl-ebda punt ma tat soluzzjonijiet għal din il-kriżi li qed tħalli impatt kbir fuq kulħadd.
U filwaqt li diversi għaqdiet, unions u Korpi Kostitwiti qed jappellaw biex il-Gvern ibiddel il-mudell ekonomiku preżenti li wassal għal splużjoni fil-popolazzjoni, traffiku enormi f’kull ħin, sptar iffullat, pressjoni kbir fuq is-sistema tad-distribuzzjoni tal-enerġija, ħmieġ f’diversi zoni tal-pajjiż u żieda fil-prezzijiet … b’wiċċu mill-quddiem il-Ministru Anton Refalo iddikjara li hu jaqbel ma’ Chris Fearne meta qal li “għandna l-aħjar kwalità tal-ħajja li qatt kellna”.
Xahar wara l-ieħor l-għoli tal-ħajja qed ikompli jħalli piż fuq il-ħaddiema, iż-żgħażagħ, l-anzjani u l-familji. Bil-piżijiet jiżdiedu, u bil-prezzijiet ikomplu jisparaw ‘il fuq.
Filfatt l-istatistika uffiċjali turi li f’temp ta’ sena l-għoli tal-ħajja f’pajjiżna sploda ‘il fuq b’mod qawwi. Dan hekk kif l-inflazzjoni żdiedet minn 4.5% għal madwar 7 fil-mija. L-aktar li żdiedu kienu l-prezzijiet tal-ikel, kif ukoll ċertu servizzi essenzjali u anke mediċini.
//= $special ?>