Internazzjonali Lokali

David Casa jilqa’ d-deċiżjoni li tinfetaħ investigazzjoni fuq l-abbuż tad-data privata taċ-ċittadini

“Jiena nilqa’ d-deċiżjoni tal-Kummissarju għall-Protezzjoni tad-Data li ser iniedi investigazzjoni dwar l-użu abbużiv ta’ data privata, intiża biex issir diskriminazzjoni kontra ċittadini Maltin u Għawdxin. L-aħħar skandli jiżvelaw l-ħtif ta’ entitajiet governattivi minn fixers u operaturi tal-Partit Laburista li jużaw data personali fil-pussess tagħhom għal skop ta’ diskriminazzjoni sistemika u mifruxa,” iddikjara l-Kap tad-Delegazzjoni tal-PN fil-Parlament Ewropew.

Il-ġimgħa li għaddiet, l-ewro-parlamentari Casa appella lill-Kummissarju għall-Protezzjoni tad-Data biex jinvestiga l-użu ħażin ta’ data personali wara l-pubblikazzjoni ta’ korrispondenza li żvelat kif l-operaturi tal-Partit Laburista, iffinanzjati mit-taxxi tal-poplu, iċċekkjaw s-simpatiji politiċi taċ-ċittadini u l-membri tal-familja tagħhom, fil-proċess li jiddeterminaw x’għajnuna għandhom jingħataw.

Dalgħodu, Casa ġie notifikat bid-deċiżjoni tal-Kummissarju li ser iniedi investigazzjoni ex officio.

“Huwa ċar daqs il-kristall li t-trattament taċ-ċittadini minn dan il-gvern sar jiddependi direttament fuq kemm jappoġġjaw lill-Partit Laburista. Huwa xokkanti li taqra messaġġi bejniethom, li jgħidu “fuck him… only his mother is with us”. Huwa wkoll inkwetanti li naraw dawn l-uffiċċjali jivverifikaw is-simpatiji politiċi ta’ membri tal-familja ta’ ċittadini privati sabiex jieħdu deċiżjoni dwar xi trattament għandha tingħata persuna partikolari.

“Bla dubbju, dawn il-prattiċi mhux biss huma xhieda tal-abbiss morali li fih għereq il-Partit Laburista fil-gvern, imma dawn il-prattiċi huma wkoll illegali.” Casa qal li se jappoġġja l-investigazzjoni bl-aħjar mod li jista’.