Il-Ministru għall-Ġustizzja m’għamel xejn fi 3 snin, minkejja dak li qaltlu l-inkjesta li talab hu stess
L-aħbar li avukat li sa ftit xhur ilu kien jaħdem bħala prosekutur fl-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali issa qiegħed jidher għall-aħwa Degiorgio – misjuba ħatja tal-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia u reati oħra serjissimi – tikkonferma li l-Ministru għall-Ġustizzja Jonathan Attard baqa’ m’għamel xejn u injora għalkollox il-konklużjonijiet ta’ inkjesta li kien talab hu stess 3 snin ilu.
F’Ġunju 2020, il-Bord ta’ Inkjesta li kienet ġiet ordnata mill-Ministru għall-Ġustizzja u li tmexxa mill-Prim Imħallef Emeritus Joe Azzopardi, kien irrakkomanda li dawk l-avukati li jagħżlu li jitilqu mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali m’għandhomx jitħallew jirrappreżentaw persuni u/jew kumpaniji li l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali jkun beda kawżi kontrihom.
Minkejja li għaddew iktar minn 3 snin minn din l-inkjesta, il-Ministru Jonathan Attard għadu m’għamel xejn fuq din ir-rakkomandazzjoni. B’dan in-nuqqas tal-Ministru Jonathan Attard, avukati li jitilqu mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali qegħdin jitħallew jidhru għal persuni li kontrihom ikunu nbdew proċeduri kriminali mill-istess Avukat Ġenerali, bħalma ġara fil-każ tal-Avukat George Camilleri u l-aħwa Degiorgio.
Għalhekk il-Partit Nazzjonalista jistaqsi:
1. X’passi ħa l-Ministru għall-Ġustizzja Jonathan Attard wara li 3 snin ilu rċieva r-rapport tal-Bord ta’ Inkjesta?
2. X’azzjonijiet ħadet l-Avukat Ġenerali Victoria Buttigieg biex tiżgura li ma jerġgħux jiġru każijiet bħal dawn?
3. X’tibdil sar fil-Kodiċi ta’ Etika għall-Avukati u l-Prokuraturi Legali fl-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali wara l-inkjesta?
4. Min se jerfa’ r-responsabbilità politika għal dan l-aħħar każ li jinvolvi avukat li kien jaħdem fl-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali?
Il-Ministru tal-Ġustizzja u l-Avukat Ġenerali m’għandhomx jibqgħu jabdikaw mir-responsabbilitajiet tagħhom u għandhom pubblikament iwieġbu dawn il-mistoqsijiet.
Il-messaġġ li qegħdin jibagħtu lis-soċjetà huwa li bihom u mingħajrhom xorta u li persuni li għandhom il-flus jistgħu liberament u mingħajr xkiel jixtru s-servizzi ta’ avukati li sa ftit ilu kienu qegħdin jaġixxu kontrihom fil-Qrati ta’ pajjiżna.
Dan ħareġ fi stqarrija mid-Deputat tal-Partit Nazzjonalista Karol Aquilina.
//= $special ?>