Direzzjoni ċara għall-istudenti tagħna tfisser garanzija għal pajjiż aħjar. Sostna dan il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech ma’ Net News wara li t-Tnejn filgħodu żar il-fresher’s week li qed tiġi organizzata fl-MCAST ta’ Raħal Ġdid fejn eluf ta’ studenti reħewlha għall-istudji tagħhom post sekondarji wara l-waqfa tas-Sajf.
Fl-aħħar jiem, uħud mill-istudenti rritornaw lura fil-klassijiet filwaqt li eluf oħra daħlu għall-ewwel darba ħerqana għal esperjenza ġdida u kapitlu ieħor ta’ ħajjithom – b’ħafna emozzjonijiet, tagħlimiet u ġrajjiet li ċertament se jsawruhom fl-irġiel u n-nisa ta’ għada.
Bosta kienu dawk li waqfu jesprimu l-ħsibijiet tagħhom ma’ Bernard Grech. Oħrajn sempliċiment jirringrazzjawh tal-ħidma li flimkien mat-tim tiegħu qiegħed iwettaq.
F’kummenti li qasam ma’ Net News, Bernard Grech saħaq li huwa ta’ unur kbir kif l-MCAST li waqqaf proprju Gvern Nazzjonalista 23 sena ilu …baqa’ tul dawn is-snin jilqa’ fi ħdanu għexieren ta’ eluf ta’ studenti li sawwru d-dinja tax-xogħol tal-lum u għada.
Huwa saħaq li grazzi għal viżjoni ta’ Gvern Nazzjonalista bosta kienu dawk li infetħulhom il-bibien tal-opportunità sabiex waslu kull fejn xtaqu huma.
Akkumpanjat mid-Deputati Nazzjonalisti Bernice Bonello u Justin Schembri, flimkien ukoll mal-President tal-MŻPN Miriana Calleja Testaferrata de Noto, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech sostna li pajjiżna iżda b’mod speċjali iż-żgħażagħ tagħna li huma mhux biss il-futur iżda l-preżent, jeħtieġu mudell ekonomiku b’saħħtu li joffri serħan il-moħħ u impjiegi tal-ogħla kwalità