Lokali Qorti

Il-ġuri ta’ Daniel Muka pospost għax irid avukat ieħor

Ritratt: Martin Agius

Il-ġuri tar-raġel mill-Albanija akkużat bil-qtil doppju fi Triq Locker ġewwa Tas-Sliema kellu jiġi pospost wara li l-imputat irrifjuta li jkun rappreżentat mill-avukat tal-għajnuna legali tiegħu. Daniel Muka ta’ 28 sena minn Tirana u residenti l-ħabs kellu jgħaddi ġuri t-Tnejn filgħodu, akkużat bil-qtil ta’ Christian Pandolfino u Ivor Maciejowski, li nqatlu b’tiri ġewwa darhom, fit-18 ta’ Awwissu, 2020.

Għadd ta’ ġurati potenzjali qattgħu l-għodwa kollha barra l-awla biex jistennew jekk humiex se jitilgħu bil-polza biex iservu lir-Repubblika ta’ Malta. Dawn iżda ntbagħtu d-dar għall-ħabta ta’ 12:00. Ma ngħatat l-ebda spjegazzjoni uffiċjali, għalkemm qraba tal-vittmi, uħud viżibbilment skomdi, qalu lill-ġurnalisti l-avukat tal-għajnuna legali maħtur biex jiddefendihom, Simon Micallef Stafrace kien ġie mhedded mill-akkużat.

Madankollu l-Avukat difensur ċaħad li rċieva xi theddid mill-akkużat, iżda qal li kien irtira l-patroċinju tiegħu wara li Muka kien għamilha “ċara ħafna li ma riedx ikun rappreżentat” minnu. Fil-fatt sal-Ħadd li għadda kollox kien jindika li Muka ma kellux problemi mal-Avukat tiegħu.

Pandolfino ta’ 58 sena miet fuq il-post wara li sofra minn ħames tiri f’parti ta’ fuq tal-ġisem u f’għonqu. Is-sieħeb tiegħu ta’ 30 sena, Maciejowski inqatel b’tir ta’ arma waħda f’wiċċu. Żewġt irġiel oħra, Viktor Dragomanski mill-Maċedonja ta’ Fuq, u d-Daniż Jesper Kristiansen, kienu wkoll ġew mixlija separatament b’rabta mal-qtil.

Daniel Muka, li kien diġà ġie mixli b’rabta ma’ reati vjolenti oħra, jinsab akkużat li spara fatalment lil Pandolfino u Maciejowski u li seraq b’aktar minn €2,329 f’ġojjellerija u oġġetti oħra, apparti akkużi relatati. Huwa qed jiġi mixli wkoll li kellu fil-pusses tiegħu arma tan-nar u munizzjon mingħajr liċenzja, li uża vettura misruqa, u li seraq żewġ pjanċi tal-liċenzja tal-vetturi.

Muka qed jikkontesta 10 kapijiet ta’ akkuża kontrih: omiċidju intenzjonat, serq akkumpanjat b’omiċidju intenzjonat, aggravat bi vjolenza, bl-ammont, ħin u lok, detenzjoni illegali u li ssekwestra liż-żewġ vittmi kontra l-volontà tagħhom filwaqt li ssottomettuhom għal ġrieħi. estorsjoni ta’ flus jew proprjetà, pussess ta’ arma tan-nar waqt it-twettiq ta’ reat, użu ta’ pjanċi tal-liċenzja misruqa minn karozza oħra, maniġġ ta’ proprjetà misruqa,u ksur tal-kundizzjonijiet tal-pleġġ.

Kien l-Avukat Simon Micallef Stafrace stess li nforma lill-Imħallef Aaron Bugeja li l-akkużat ma riedx li huwa jidher għalih. L-Imħallef Aaron Bugeja li kienu se jinstema’ l-ġuri quddiemu nforma lill-persuni li kienu msejħa biex iservu bħala ġurati li setgħu jitilqu waqt li ta ċans lil Muka biex sal-20 ta’ Novembru jinfurmah jekk ikunx sab avukat.