Internazzjonali

Il-Gwerra mal-Hamas: Ikomplu l-evakwazzjonijiet urġenti tal-barranin minn Iżrael

l

Numru kbir ta’ pajjiżi qed jieħdu l-miżuri urġenti biex jevakwaw liċ-ċittadini tagħhom minn Iżrael u bnadi oħra tal-Lvant Nofsani.

Fl-aħħar sigħat kienu qed joperaw diversi titjiriet ta’ emerġenza minn diversi pajjiżi Ewropej kif ukoll minn pajjiżi mbiegħeda bħat-Tajlandja u l-Kazakhstan.  Il-Gvern Iżraeljan, fl-istess ħin, ikkonferma li għaddejjin it-titjiriet speċjali biex ir-riservisti militari li jinsabu barra pajjiżhom jirritornaw lura mill-aktar fis.

Sadanittant, il-Polonja kkonfermat il-wasla lura minn Iżrael ta’ ajruplan li mifhum ku kien ippakkjat biċ-ċivili Pollakki. Dan fost l-istennija għal stqarrijiet simili ta’ konferma minn diversi pajjiżi oħra.

Dan ukoll waqt li r-Renju Unit, l-Istati Uniti, l-Awstralja u l-Kanada wissew biex iċ-ċittadini tagħhom ma jivvjaġġawx lejn Iżrael ħlief għal raġunijiet eċċezzjonali u fost l-istennija li l-gwerra fir-reġjun għandha tieħu fit-tul ħafna.

Talanqas għaxar ċittadini Amerikani huma konfermati mejtin waqt il-ġlied f’Iżrael u meta għaxar ċittadini Britanniċi li kienu fl-inħawi ma dehrux aktar mill-bidu tal-battalji tas-Sibt. Mhux eskluż li l-Britanniċi wkoll tilfu ħajjithom fl-aħħar sigħat ta’ terrur.