Il-Gvern ta’ Iżrael ħejja stat ta’ assedju assolut għall-Medda ta’ Gaza, bil-ħsieb li jelimina l-bażijiet tal-militanti Palestinjani tal-Hamas li fi tmiem il-ġimgħa wettqu sensiela ta’ attakki mill-aktar effettivi fl-ibliet Iżraeljani….Attakki li skont l-aħħar kalkuli rriżultaw f’madwar 800 Iżraeljani maqtula, fil-parti kbira ċivili, u biċ-ċifra x’aktarx li għandha titla’ fis-sigħat li jmiss.
Il-militar Iżraeljan ikkonferma li qed iwettaq ‘offensiva estensiva’ fuq iċ-ċentri tal-Hamas f’Gaza – b’Iżrael jinsab fi stat ta’ gwerra totali, fost il-mobilizzazzjoni tal-Armata u r-riservisti militari. Dan ukoll waqt li tal-Hamas qed ikomplu jisparaw il-missili minn Gaza fost l-isplużjonijiet fil-belt ta’ Ġerusalemm u zoni oħrajn tal-Iżraeljani.
Il-kelliema għall-militar Iżraeljan qalu, intant, li ħadu lura l-kontroll ta’ diversi komunitajiet f’Iżrael li kienu ilhom mis-Sibt ikkontrollati mill-militanti involuti fl-invażjoni tal-pajjiż li mxiet eżattament mal-pjan tal-Kapijiet tal-Hamas…Kampanja li anki adottat stil terroristiku peress li l-militanti lanqas ma ħelsuha lin-nisa u tfal wara li bdew iduru minn dar għal dar biex isibu l-ostaġġi.
L-aħħar rapporti qalu li kienu għadhom għaddejjin il-battalji iżolati bejn is-suldati Iżraeljani u gruppi tal-ġellieda tal-Hamas, bl-isparar ikompli f’talanqas tmien zoni ta’ Iżrael.
Massakrati waqt festival mużikali
Talanqas 260 fost l-Iżraeljani maqtula fir-rejds kienu qed jattendu festival mużikali fil-miftuħ u fejn il-mijiet tan-nies spiċċaw jiġru għal ħajjithom fost l-isparar kontinwu tal-militanti. In-nies li kienu preżenti u li salvaw b’miraklu qalu li l-aggressuri wettqu ‘kaċċa brutali u bir-reqqa’ fuq in-nies innoċenti li ħafna minnhom spiċċaw jistaħbew f’masġar biex ma jispiċċawx fost il-vittmi.
Fl-istess ħin, l-awtoritajiet Iżraeljani konfermaw li għexieren ta’ Iżraeljani – fosthom nisa, tfal u persuni vulnerabbli – ittieħdu lejn Gaza bħala ostaġġi, bil-futur tagħhom jibqa’ inċert għall-aħħar.
Mill-banda l-oħra, il-qawwiet tal-ajru Iżraeljani ilhom l-aħħar tlett ijiem jibbumbardjaw il-belt ta’ Gaza u nħawi oħra fil-Medda ta’ Gaza bħala parti mill-impenn biex jeqirdu s-sistemi tal-missili u infrastruttura importanti għall-militanti u r-residenti.
Dan waqt li Iżrael qata għal kollox il-provvisti tal-ikel, fuel, elettriku u ilma minn pajjiżu bħala parti mill-assedju ta’ Gaza li għandu jirranka matul il-jiem li ġejjin. Hu minnu li Iżrael qed jikkontrolla l-ispazju tal-ajru fuq Gaza u l-madwar u għandu kontroll sħiħ fuq it-trasport tal-prodotti mill-fruntiera lejn dawn it-territorji.
Fl-aħħar tliett ijiem ta’ ġlied mietu wkoll il-mijiet tal-militanti minbarra 500 oħra fl-artijiet ta’ Gaza.
Min-naħa tiegħu, il-Ministeru Palestinjan għall-Affarijiet Barranin qal li l-missili tal-Iżraeljani laqtu tnejn minn fost it-tmien kampijiet tar-refuġjati f’Gaza. Ingħad ukoll li l-attakki fuq il-kampijiet ta’ Al-Shati u Jabalia ħallew numru mhux ikkonfermat ta’ mejtin u midruba.
Sadanittant, kelliema għall-Hamas qalu li nqatlu numru ta’ ostaġġi Iżraeljani fost l-aħħar attakki mill-ajru fuq il-Medda ta’ Gaza – b’din l-aħbar ma tkunx ikkonfermati mis-sorsi indipendenti.
//= $special ?>