Lokali Parlament

Il-parlament isellem lill-Imħallef Emritu u politiku Philip Sciberras


Il-parlament sellem lill-ex deputat Laburista u ex Imħallef Philip Sciberras li miet fit-2 ta’ Ottubru 2023 fl-età ta’ 77 sena.


Fit-tislima lill-ex Imħallef Sciberras tkellem l-Ispeaker Anġlu Farrugia, il-Prim Ministru Robert Abela u l-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech. Preżenti għal din il-kommemorazzjoni kien hemm preżenti l-familja Sciberras.


Il-Prim Ministru qal li bħala avukat l-Imħallef Philip Sciberras kellu rispett u kapaċitajiet fil-proċeduri tal-qorti.


Hu kompla li bħala Imħallef tal-Qorti tal-Appell Inferjuri, l-Imħallef Sciberras kien effiċjenti u kien jagħmel ġustizzja maż-żewġ naħat. L-Imħallef Sciberras ma ħalliex sentenzi pendenti u kellu għarfien legali li fitt kien hawn bħalu.


Robert Abela qal lil-Imħallef Sciberras kien iħobb ħafna lill-familja u qal fl-aħħar ta’ ħajtu ħareġ ħafna l-aspett uman b’imħabba kbira lejn il-familja tiegħu.


Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech qal l-Imħallef Sciberras kellu sens sarkastiku, bniedem ta’ ftit kliem u intelliġenti. Hu qal li l-Imħallef Sciberras għallem ħafna nies u ta kontribut bħala politiku għalkemm l-ikbar kontribut tiegħu kien bħala imħallef. Is-sentenzi tiegħu tiegħu kienu mfittxija għaliex kienu studjati u jallu effett fil-mod kif il-liġi tkun prattikata. Il-Kap tal-Oppożizzjoni sellem ukoll il-kontribut letterarju li ta l-Imħallef Philip Sciberras.