Il-Gvern Laburista imexxi mill-Prim Ministru Robert Abela, ser jibqa’ mfakkar bħala dak il-Gvern li falla il-linja Nazzjonali ta’ Malta – l-Air Malta – dik li darba kienet l-unur tan-nazzjon. Iżda llum dan kollu sfaxxa … grazzi għal Gvern Laburista.
Dan qalu l-editorjal tal-Malta Business Weekly hekk kif it-Tnejn li għadda, il-Gvern stess ħabbar li l-AirMalta kellha tagħlaq il-bibien tagħha.
L-Air Malta ser tieqaf topera fit-30 ta’ Marzu, u jum wara se tieħu postha linja tal-ajru nazzjonali ġdida – KM Malta, bit-tama li din id-darba l-affarijiet jimxu b’mod aktar għaqli.
L-Editorjal fakkar kif il-ġenerazzjonijiet il-kbar jiftakru kif il-gvernijiet Nazzjonalisti kienu jaffaċċjaw pressjoni kbira kull darba li kien hemm xi tip ta’ inkwiet fl-Air Malta. U minn naħa tagħha, il-General Workers Union dejjem kienet tkun minn ta’ quddiem biex tikkrita Gvern Nazzjonalista f’dawn is-sitwazzjonijiet. Iżda għal kuntlarju … din id-darba ma ġarax hekk.
L-Editorjal jgħid li nhar it-Tnejn li għadda – il-ġurnata li fiha tħabbar l-għeluq tal-linja nazzjonali tal-arju –kienet ġurnata ta’ diqa għal Malta, u t-30 ta’ Marzu li ġej se tqanqal iżjed niket … meta mistennija titħaddem l-aħħar titjira tal-Air Malta.
Fi kliem l-Editorjal dan il-falliment huwa falliment nazzjonali, u filwaqt li Robert Abela wiegħed tranżizzjoni bla xkiel, hemm dubji kbar dwar jekk il-kumpanija l-ġdida hux se tkun profittabbli kif wegħdu.
Il-Business Weekly esprimiet tħassib kbir dwar il-ħaddiema li preżentament huma impjegati tal-AirMalta, u l-fatti li r-rotot se jiġu mnaqqsa għal 17 mis-37 li joperaw bħalissa.
//= $special ?>