Ewropa Internazzjonali Lokali

Jitlob investigazzjoni dwar kif qed jintefqu il-fondi ewropej

L-Awditur Ġenerali ġie mitlub sabiex jinvestiga l-użu tal-Fondi Ewropej dan wara li fl-aħħar snin il-Gvern ta’ Robert Abela kiseb aktar minn €60 miljun biex isiru impjanti ġodda jew sabiex jitjieb it-trattament tad-drenaġġ.

Din it-talba saret mill-kandidat għall-Parlament Ewropew f’isem il-Partit Nazzjonalista Peter Agius.

Fl-ittra tiegħu, huwa qal li minkejja dawn is-somma intefqet u l-impjanti saru fuq tal-snin matul dawn l-aħħar xhur kien hawn diversi problemi relatati ma’ drenaġġ.

Peter Agius qal li l-ilma mwiegħed għall-bdiewa ma baqax jiġi kif miftiehem fil-bidu tal-proġett ‘New Water’ hekk kif dan is-sajf bosta bdiewa spiċċaw bla ilma għal diversi ġranet.

Apparti minn hekk, Peter Agius qal li minbarra dan in-nuqqas hemm ukoll is-sitwazzjoni fejn il-baħar u l-bajjiet f’pajjiżna kellhom preżenza ta’ drenaġġ. Fl-aħħar xhur biss ingħalqu jew ħarġu avviżi fuq preżenza ta’ drenaġġ f’6 bajjiet madwar Malta.

Peter Agius fakkar ukoll li l-Kummissjoni Ewropea fl-aħħar snin kemm il darba sabet livelli ta’ kwalità tal-ilma inaċċettabbli tant li fl-2022 fetħet proċeduri legali kontra l-Gvern Malti.

Huwa sostna li dawn l-affarijiet kollha jindikaw li l-Gvern ta’ Robert Abela u l-Awtoritajiet responsabbli mill-użu u l-implimentazzjoni ta’ proġetti ta’ Fondi Ewropej fil-qasam tat-trattament tad-drenaġġ u l-produzzjoni tal-ilma sekondarju ‘New Water’ qed jonqsu milli jżommu mal-obbligi elenkati fil-Fondi Ewropej.

Peter Aguis saħaq li huwa fl-interess nazzjonali li l-poplu jkun jad kif qed jintefqu l-Fondi Ewropej filwaqt li l-poplu igawdi b’mod effettiv mill-Fondi Ewropej intenzjonati biex itejbu l-kwalità tal-ħajja u l-ambjent.