Karol Aquilina, PN
Id-deputat Nazzjonalista Karol Aquilina sostna fil-parlament li l-Avukat Ġenerali għandha tibda twieġeb dwar id-diversi każi li seħħew u qed iseħħu u li dwarhom il-poplu qed jistenna spjegazzjonijiet.
Karol Aquilina semma każ ta’ avukat li beda jaħdem bħala posekutur mal-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali (AĠ) u aktar tard beda jidher għall-aħwa Degiorgio li huma kriminali magħrufa u li huma ta’ periklu kbir għas-soċjetà.
F’Ottubru 2022 l-aħwa Degiorgio ammettew u nstabu ħatja li qatlu lil Daphne Caruana Galizia u kull wieħed minnhom weħel 40 sena ħabs. Fi Frar 2023 huma nstabu ħatja ta’ ħasil ta’ flus u weħlu erba ‘snin ħabs kull wieħed. Dawn huma kriminali professjonisti li għamlu snin iwettqu reati.
Hu qal li l-avukat in kwistjoni daħal jaħdem fl-Uffiċċju tal-AĠ f’Mejju 2017 u baqa’ jaħdem hemm sa Lulju 2022. Imbagħad irriżenjza minn prosekutur f’isem l-Avukat Ġenerali. Wara li spiċċa minn avukat fl-AĠ dan l-avukat mar jaħdem il-ħabs bħal Principal Legal Officer fejn dam jaħdem għal disa’ xhur sakemm irriżenja f’Marzu 2023.
Id-deputat Nazzjonalista qal li dan l-avukat għamel karriera jaħdem mal-AĠ imbagħad iddeċieda li jaqsam in-naħa l-oħra u jsir avukat difensur ta’ min ftit ilu kien qed jaġixxi kontrih; propju l-aħwa Degiorgio. Fl-2021 dan l-avukat deher f’isem l-AĠ kontra diversi persuni fosthom kontra l-aħwa Degiorgio fil-qtil tal-avukat Chircop u ta’ Daphne Caruana Galizia.
Karol Aquilina qal li din hi sitwazzjoni gravi li ma ġratx darba biss iżda jidher li ħadd ma tgħallem minn din is-sitwazzjoni. F’każ ieħor simili għal dan, il-gvern kien għamel inkjesta, tliet snin ilu. Fl-1 ta’ Ġunju 2020, il-gvern irċieva rapport ta’ inkjesta mill-Prim Imħallef Emeritus Joseph Azzopardi dwar avukat li filli kien qed jaħdem l-AĠ u filli kien qed jiddefendi lill-kriminali.
L-imħallef kien ikkonkluda li ma kienx hemm biżżejjed slavagwardji biex sitwazzjonijiet bħal dawn ma jerġgħux iseħħu.
Karol Aquilina rrimarka kif jista’ l-ministru ma jieħux passi meta hemm dan ir-rapport tal-Prim Imħallef Emeritu Azzopardi. Hu semma’ l-Kodiċi ta’ Etika tal-2019 u qal li dan ma bidel assolutament xejn. Dan ifisser li l-Ministru tal-Ġustizzja u l-AĠ ma ndenjawx jagħmlu dak li rrakkomanda l-Imħallef Emeritus Azzoaprdi.
Id-deputat Nazzjonalista qal li din is-sitwazzjoni mhx aċettabbli u kompla l-gvern u l-AĠ m’humiex jieħdu azzjoni. Hu sostna li minkejja t-tibdil fil-kuntratti, m’hemm xejn x’jorbot lill-avukati, kif ġara f’dan il-każ.
Il-gvern hu komdu jimmanuvra lill-AĠ, sostna Karol Aquilina, li kompla li l-AĠ toqgħod lura u ma tagħmel xejn fuq każi kbar ta’ korruzzjoni minħabba li hemm nies mill-gvern li huam involuti.
Hemm kompliċità bejn l-AĠ, il-Prim Ministru u l-Ministru tal-Ġustizzja biex fejn hemm il-gvern involut ma tittieħed ebda azzjoni. Il-Ministru tal-Ġustizzja għandu jerfa’ r-responsabbiltà politika waqt li l-AĠ għandha tibda tirrispondi għad-diversi każi.
L-AĠ trid tibda titkellem dwar dan il-każ u dwar każi oħra, sostna d-deputat Nazzjonalista, li qal li s-sitwazzjoni bl-AĠ Buttigieg ma tistax tkompli mingħajr ma tirriżenja, sostna Karol Aquilina.