Internazzjonali

L-elezzjonijiet reġjonali fil-Ġermanja: Riżultati tajbin għall-konservattivi u l-populisti…Disfatta għax-xellug ta’ Olaf Scholz

Il-politiċi konservattivi u populisti estremisti tal-lemin huma kuntenti ħafna bir-riżultati tal-elezzjonijiet reġjonali importanti li saru nhar il-Ħadd fil-Ġermanja.

Madankollu mhux l-istess jingħad għat-tliet partiti msieħba fil-koalizzjoni nazzjonali tax-xellug immexxija mill-Kanċillier Ġermaniż Olaf Scholz – u meta r-riżultati mistennija jkollhom impatt politiku madwar il-pajjiż kollu.

L-istatistika turi li madwar 25 fil-mija tal-votanti parteċipaw fl-elezzjonijiet reġjonali li saru fil-Bavarja u f’Hesse li huma tnejn mill-akbar u l-aktar Stati sinjuri fil-Ġermanja.

Dan meta l-konservattivi u l-partiti populisti fiż-żewġ reġjuni mexxew kampanja ta’ kritika qalila għall-Gvern nazzjonali ta’ Scholz u fejn irnexxew l-attakki fuq kif il-Gvern għall-mod kif qed jirreaġġixxi għall-issues tal-immigrazzjoni u l-enerġija.

Fl-Istat ta’ Hesse, il-Partit konservattiv CDU kiseb mal-35 fil-mija tal-vot biex żied fuq l-appoġġ li kellu waqt li l-Alternative fur Deutschland  (AfD) tal-lemin estrem qed jidher li kiseb 18 fil-mija tal-appoġġ popolari biex b’hekk stabbilixxa ruħu bħala t-tieni l-akbar forza politika f’dan l-Istat.

Dan meta t-tliet partiti fil-koalizzjoni ta’ Scholz  — l-SPD taċ-ċentru-xellug, il-Partit tal-Ħodur u l-Partit liberali FDP – naqqsu mill-appoġġ tant li jistgħu ma jlaħħqux mat-threshold stabbilit biex jibqgħu fil-Parlament ta’ Hesse.

Intant, il-Partit konservattiv CSU li lu mill-1946 imexxi l-gvern regjonali fil-Bavarja rebaħ l-akbar ammont ta’ voti – f’dan il-każ mas-37 fil-mija tal-appoġġ u li fl-istess ħin kien l-aktar riżutat diħappuntanti għalih mill-1958.

U waqt li mistenni li s-CSU ikompli fil-poter fil-Bavarja dan il-partit se jieħtieġ li jibqa’ fil-koalizzjoni mal-Partit Freie Wahler – entità populista oħra tal-lemin li kisbet 15 fil-mija tal-vot għall-aħjar riżultat elettorali fiż-żmien kollu li l-partit ilu mwaqqaf.