Raġel minn Santa Venera nżamm arrestat wara li ġie akkużat li laqat lis-sewwieq ta’ karozza li kienet imblukkata minn vettura oħra, b’virga tal-metall. Leonvic Fenech ta’ 23 sena, li qal fil-Qorti li kien jaħdem bħala xufier ta’ tow truck, ġie arrestat wara li allegatament weġġa’ gravi raġel ieħor meta tah daqqa b’virga tal-metall f’argument dwar karozza pparkjata ħażin nhar is-Sibt.
Il-Maġistrat Nadine Lia semgħet lill-Ispettur Sarah Kathleen Zerafa tispjega kif kien beda argument meta l-vittma kien daqqlu l-ħorn tal-karozza biex jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li t-triq tiegħu kienet imblukkata minn vettura oħra.
Fenech, li kien qed isuq it-‘tow truck’ tiegħu, kien saħaq li l-karozza li timblokka t-triq ma kinitx tiegħu. L-iskambju verbali eskala fi vjolenza fiżika meta Fenech allegatament ħareġ virga tal-metall mit-trakk tiegħu u sawaat lir-raġel l-ieħor f’siequ biha. Imbagħad allegatament saq it-trakk ta’ l-irmonk lejn ir-raġel ferut, bħallikieku kien se jtajjru, iżda waqaf eżatt quddiemu.
Fenech kien għażel li ma jwieġebx mistoqsijiet waqt l-interrogazzjoni, qal l-ispettur. Meta wieġbet mistoqsija mid-difiża, l-ispettur ikkonfermat li l-vittma jipprattika l-arti marzjali. L-akkużat wieġeb mhux ħati u ntalbet il-libertà proviżorja.
Il-prosekuzzjoni oġġezzjonat għat-talba għall-ħelsien mill-arrest, u rrimarkat li l-ġrieħi li saru kienu ta’ natura gravi u li l-imputat kien joqgħod fl-istess triq tal-garaxx tal-vittma. L-avukat difensur Ishmael Psaila qal lill-Qorti li l-imputat kien lest li joqgħod ma’ ommu f’lokalità oħra, jekk jingħata l-libertà proviżorja.
“L-uniku xhud li fadal huwa l-parte civile, li huwa ‘kickboxer’ u mhux xi wieħed merħi.” Huwa ssuġġerixxa li l-qorti tista’ tordna li Fenech ma jersaqx lejn Santa Venera u l-madwar, u argumenta li li tirrifjuta l-pleġġ f’dawn iċ-ċirkostanzi tkun “eżaġerazzjoni.”
“Il-vittma kienet marret għalih u mhux bil-maqlub,” issuġġerixxa l-avukat. “Il-ġrieħi mhumiex serji, l-allegat vittma ma spiċċax l-isptar, u jinsab d-dar. Kont nistenna li l-pulizija sa issa ġabret evidenza tas-CCTV, iżda dan għadu ma seħħx,” issottometta l-avukat, filwaqt li żied li l-uniċi kundanni minn qabel ta’ Fenech kienu biss għal reati minuri.
L-Ispettur Zerafa qalet li l-imputat ġie arrestat nhar il-Ħadd, mhux is-Sibt “preċiżament għax konna għadna ninvestigaw.” Kienu ċċekkjati wkoll cameras tas-CCTV, hija qalet, filwaqt li sostniet li l-libertà proviżorja għandha tiġi miċħuda f’dan l-istadju minħabba li kien hemm xhieda ċivili, minbarra l-vittma, li kienu għadhom ma xehdux.
“It-tħassib ewlieni tagħna huwa x-xhieda tal-allegata vittma,” iċċarat l-avukat tal-prosekuzzjoni Rebekah Spiteri. L-Ispettur Zerafa żiedet tgħid li l-passatempi tal-vittma u l-għażla tal-isport ma kellhom ebda effett fuq il-każ, filwaqt li rrimarkat li “huwa dak li kellu l-ġrieħi.”
Il-prosekuzzjoni rrimarkat li Fenech kien mixli wkoll b’sewqan perikoluż, “għax wara l-inċident, l-imputat ipprova jreġġa’ lura għa fuq il-vittma bit-trakk tal-irmonk tiegħu.” L-Avukat Roberto Spiteri, li qed jassisti wkoll lill-imputat, żied jgħid li tista’ tiġi imposta wkoll ordni ta’ protezzjoni flimkien mal-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest.
Wara li semgħet is-sottomissjonijiet tal-partijiet fuq pleġġ, il-qorti nnutat li l-prosekuzzjoni ma kinitx qed tinsisti li tkompli żżomm lill-imputat wara li jixhed il-vittma. Fiċ-ċirkostanzi, qalet li l-libertà proviżorja għandha tiġi kkunsidrata wara li l-vittma jagħti x-xhieda tiegħu u ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest ta’ Fenech, u ħeġġet lill-prosekuzzjoni biex tipproduċi dak ix-xhud kemm jista’ jkun malajr. u għalhekk Fenech inżamm arrestat.
L-Ispettur Sarah Kathleen Zerafa mħarrka, assistita mill-prosekutur Dr. Rebekah Spiteri. L-avukati Ishmael Psaila u Roberto Spiteri dehru għall-akkużat.