Il-quddiesa f’Jum il-Forzi Armati, immexxija mill-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi, li saret dalgħodu fil-Konkatidral ta’ San Ġwann fil-Belt Valletta. Il-quddiesa kienet ippresjeduta mill-President George Vella u kkonċelebrata mid-Direttur Spiritwali tal-Forzi Armati, Dun Joseph Meli, flimkien ma’ saċerdoti oħra.
Waqt l-omelija tiegħu, l-Isqof qal kif il-figura taċ-ċenturjun, li jissemma fl-Evanġelju ta’ San Mattew, tista’ sservi ta’ eżempju għall-ħidma tal-membri tal-Forzi Armati. Iċ-ċenturjun juri “ordni, qalb kbira u fidi” meta talab lil Ġesù biex ifejjaq lill-qaddej tiegħu li kien marid ħafna. Semma kemm għandhom missjoni importanti fil-protezzjoni u d-difiża għas-sigurtà tal-pajjiż u wera l-apprezzament tiegħu lejn tant membri tal-Forzi Armati li “jaqdu r-responsabbiltajiet tagħhom b’integrità u b’onestà, ħafna drabi b’sagrifiċċju kbir, u jaraw fil-ħidma tagħhom servizz li qed jagħtu b’dedikazzjoni sħiħa lill-komunità”.
Mons. Galea-Curmi żied jgħid: “Il-ħidma tagħkom hija dejjem marbuta mad-difiża u l-protezzjoni tal-ħajja, u hemm tistgħu aktar taraw kemm hi ħidma nobbli. F’kull ħtieġa li tinqala’, dejjem żommu f’moħħkom l-eżempju ta’ dak iċ-ċenturjun li kellu stima kbira għall-qaddej tiegħu u kien lest jagħmel minn kollox biex jipproteġi l-ħajja u s-saħħa tiegħu. Aħna hekk irridu nafuhom lis-suldati: dawk li għandhom dejjem fi ħsiebhom u f’qalbhom il-ħarsien tal-ħajja, b’attenzjoni speċjali għal dawk li huma vulnerabbli u f’qagħda mwiegħra.”
//= $special ?>