Internazzjonali

Sebà Maltin jinħarġu minn Iżrael

Sitwazzjoni ta’ xokk – ħadd qatt ma kien qiegħed jistenniha.

Hekk sostniet b’mod esklussiv ma’ Net News l-Ambaxxatriċi għal Malta f’Iżrael Cecila Attard Pirotta meta f’intervista minn Tel Aviv, saħqet li ħadd ma kien qiegħed jistenna dak li seħħ matul il-jum tas-Sibt – meta l-Palestinjani tal-Hamas attakkaw Iżrael.

Matul il-jum tas-Sibt madwar 3,000 żagħżugħ u żagħżugħa kienu qed jattendu għal kunċert f’nofs id-deżert – wieħed minn diversi festini tradizzjonali li kien hemm fi tmiem il-ġimgħa; kunċert li spiċċa fil-mira tat-terroristi fejn mijiet ta’ persuni spiċċaw inqatlu minn tiri t’armi tan-nar.

L-ambaxxatriċi spjegat li bi preċiż diffiċli tistabilixxi kemm effettivament hemm Maltin fl-Art Imqaddsa. Iżda wara li ħarġet stqarrija għall-istampa sabiex kull min għandu problema biex jirritorna lejn pajjiżna jagħmel kuntatt mal-Ambaxxata…kienu biss 7 li qalu li jinsabu f’diffikultà – b’Attard Pirotta tgħid li sat-Tlieta filgħodu għandhom ikunu lura Malta.

Intant, Net News tkellem mal-eks Ministru għall-Affarijiet Barranin Michael Frendo fejn spjega li dan l-attakk jista’ jitqies u jitqabbel bħala n-9/11 tal-Iżrael – attakk maħsub li ħasad għal kollox lill-Iżraeljani.

Huwa insista li dan mhux azzjoni mwettqa mill-Palestina sħiħa iżda mill-fazzjoni tal-Hamas – bl-indikazzjonijiet kollha s’issa qed juru li l-fazzjoni tal-Fatah ma kellhiex sehem.

Intant, it-tħassib li l-kunflitt jestendi għall-pajjiżi ġirien fir-reġjun huwa wieħed reali hekk kif għalkemm il-Libanu qed joqgħodu lura jidher li l-fazzjoni Libana tal-Heżbollah qed turi sinjali li l-konsegwenzi jafu jintensifikaw. Dan fost inċertezza minħabba li kapaċi jiżdiedu l-atroċitajiet u l-imwiet ta’ diversi innoċenti.