Lokali

Tajr tal-priża segwit bil-GPS jisparixxi hekk kif jasal Malta

Astun Iswed mir-Repubblika Ċeka, Kuċċarda meħlusa wara riabilitazzjoni u Ajkla tat-Tikek b’ċurkett tal-kulur fost l-għasafar li kienu qed jiġu studjati li sparixxew fuq Malta fl-aħħar jiem, hekk kif il-kaċċa illegali fuq l-art u mill-baħar tkompli tħalli l-effett tagħha fuq speċi protetti.

Hekk kif l-istaġun tal-kaċċa tal-ħarifa qed ikompli, issa anke bil-ftuħ ta’ staġun tal-kaċċa fuq il-baħar mill-1 ta’ Ottubru, tagħrif miġbur minn BirdLife Malta fl-aħħar jiem jindika persekuzzjoni kontinwa u bla limitu filkonfront ta’ speċi li jgawdu protezzjoni għolja kemm mill-art kif ukoll fuq ilbaħar, fl-istess ħin li r-riżorsi marbutin mal-infurzar mhux qegħdin ilaħħqu mar-rapporti li qed jidħlu. Fost l-ispeċi li spiċċaw fil-mira tal-kaċċa illegali fl-aħħar ġimagħtejn hemm Ajkli tat-Tikek, Ajkla Bajda, Ċikonji Suwed, Astuni Suwed u Kuċċard.

Fl-aktar każ riċenti li jkompli juri b’mod ċar l-impatt internazzjonali li listaġun tal-kaċċa tal-ħarifa li għaddej bħalissa qed ikollu fuq speċi Ewropej, Astun Iswed li faqqas fir-Repubblika Ċeka li kien qed jiġi segwit bil-GPS ma baqax jittrażmetti wara li passa lejn Malta. L-għasfur, bil-kodiċi OT-093, kien wieħed minn żewġ Astuni Suwed frieħ li ġew salvati mill-bejta qrib ilbelt ta’ Ostrava fil-Grigal tar-Repubblika Ċeka, wara li ġew abbandunati mill-ġenituri. Dilettant lokali salvahom u ħadhom f’ċentru tas-salvataġġ, fejn ġew imrobbija sakemm laħqu l-età li jtajru. Aktar tard tpoġġew f’bejta ta’ żewġt ifrieħ oħra fix-Xlokk tar-Repubblika Ċeka, bl-erbat ifrieħ kollha jitwaħħlulhom GPS transmitters li jaħdmu bl-enerġija mix-xemx sabiex tkun tista’ tiġi studjata l-passa tagħhom mill-Università tax-Xjenzi Veterinarji ta’ Brno.

OT-093 beda l-vjaġġ tal-passa tiegħu fit-23 ta’ Settembru fid-direzzjoni talLbiċ lejn l-Awstrija, l-Ungerija, is-Slovenja, il-Bożnija-Ħerzegovina, u lKroazja. Qasam il-Baħar Adrijatiku fid-29 ta’ Settembru u baqa’ jtir fid-direzzjoni tan-Nofsinhar sal-aħħar lejl tiegħu fin-naħa t’isfel ta’ Sqallija fit-2 ta’ Ottubru. Fit-3 ta’ Ottubru kompla fid-direzzjoni tan-Nofsinhar fi triqtu lejn Malta, u tar minn fuq Għawdex fis-2:30pm, sakemm siegħa wara wasal fl-inħawi tar-Rabat u Ħad-Dingli, fejn niżel biex jorqod fis-siġar filFawwara. L-għada filgħodu t-trażmissjoni waqfet ħesrem.

Dan hu t-tieni każ f’ġimgħa ta’ għasfur li kien qed jiġi segwit u li sparixxa f’Malta. Aktar kmieni nhar it-Tnejn, Kuċċarda li kienet waslet Malta fil-15 ta’ Settembru għajjiena mejta mill-vjaġġ tal-passa tagħha u spiċċat f’appartament f’Tal-Pietà, inħelset lura fin-natura fuq Kemmuna, wara perjodu qasir ta’ riabilitazzjoni f’idejn BirdLife Malta li matulu ħadet lura saħħitha biex tkun tista’ tkompli tpassi. Malli nħelset fit-2 ta’ Ottubru, ittajra taret fid-direzzjoni tan-Nofsinhar lejn il-Buskett, u kompliet nieżla
aktar ’l isfel waranofsinhar, sakemm waqfet tittrażmetti għall-ħabta tal4:30pm fil-limiti ta’ Birżebbuġa. Fiż-żewġ każi t-trackers li kellhom lgħasafar jidher li ġew meqruda malli l-għasafar inqatlu.

Il-ħidma ta’ konservazzjoni min-naħa tal-istaff ta’ BirdLife Malta, birdwatchers u voluntieri biex nippruvaw nipproteġu speċi bħal dawn matul l-aħħar jiem kienet biċċa xogħol iebsa. Dan minħabba l-passa tajba li
kien hawn ta’ speċi rari ta’ għasafar li normalment jispiċċaw fil-mira talkaċċa illegali għal skopijiet ta’ bbalzmar, bħalma huma Ċikonji Suwed u Bojod, u diversi speċi ta’ ajkli – l-Ajkla tal-Kalzetti, l-Ajkla Bajda u l-Ajkla tat-Tikek. Timijiet ta’ voluntieri li kienu qed jipparteċipaw fir-Raptor Camp annwali tagħna kellhom rwol importanti fis-sorveljanza tal-movimenti ta’ għasfar rari bħal dawn – ħafna drabi jassistu tim wieħed biss ta’ pulizija assenjat fuq każi ta’ illegalitajiet tal-kaċċa.

Għall-bidu, pereżempju, l-isforzi tagħna biex insegwu Ajkla Bajda kienu suċċess, b’għasfur wieħed jirnexxilu jkampa żewġt iljieli f’Malta minkejja li ppruvaw jisparaw fuqu. L-għasfur kompla jpassi minn fuq il-baħar fl-1 ta’ Ottubru, imma xorta spiċċa jiġi segwit minn dgħajsa bil-kaċċaturi, li ġew iffilmjati jisparaw fuqu u jniżżluh bejn Malta u Filfla. Filmati ta’ dan il-każ ġew mgħoddija lill-Environmental Protection Unit (EPU) tal-Korp talPulizija, u bdiet investigazzjoni biex jinqabdu s-suspettati.