Internazzjonali

Wara t-terremot fl-Afganistan: Tkompli t-tfittxija għan-nieqsa, bil-mejtin jaqbżu l-1,000

Irrankat il-kriżi umana fost l-Afgani wara t-terremot kbir ta’ tmiem il-ġimgħa li straxxna l-provinċja ta’ Herat fost il-kroll tar-residenzi magħmulin mill-ġebel u t-tajn u li ma kenux mibnija fuq sisien sodi. Dan ukoll fost rapportià li l-vittmi tat-terremot qabżu l-1,000 u meta hemm ukoll il-mijiet tal-midruba.

It-terremot immarka 6.3 fuq l-Iskala Richter u fil-preżent għad hemm l-inkwiet dwar it-theżżiż tal-art kontinwu li għandu jżid mal-istraġi.

Fl-aħħar sigħat ukoll ir-residenti tal-villaġġi f’Herat kienu qed iħaffru qalb it-tifrik tal-bini bit-tama li jsibu l-ħajjin u fost sinjali li hu diġà tard wisq biex huma jsalvaw iln-nies li ntradmu. Ħafna mill-voluntiera kienu qed iħaffru bil-pali u anki b’idejom fost rapporti li l-Afgani neqsin kienu aktar minn 500.

Ir-rotot imblukkati lejn Herat ukoll huma problema għat-trasport tal-għajnuna lejn l-inħawi milquta, iżda fl-aħħar sigħat bdew jaslu l-ewwel kunsinni ta’ fejda li jinkludu l-ikel u affarijiet oħra bażiċi għar-residenti li tilfu kollox fit-terremot.

L-epiċentru tat-theżżiża kbira kien id-distrett rurali ta’ Zindajan, ftit kilometri biss ‘il bogħod mill-belt ta’ Herat — fost indikazzjonijiet li lanqas dar waħda ma baqgħet wieqfa bħala konsegwenza. F’dan il-każ ukoll, id-djar tal-inħawi kienu fraġli wisq biex jifilħu għall-impatt tat-terremot.

F’dawn il-jumejn, it-moviment tat-Taliban, li qed jamministra lill-Afganistan, ma setax jipprovdi ċ-ċifri eżatti tal-vittmi tat-terremot u meta ma jidhirx li għandu  r-rekords dwar il-popolazzjoni qalb il-villaġġi remoti tal-pajjiż.

U waqt li r-rapporti dwar l-1,000 vittma jidhru li huma preċiżi, l-aġenziji tal-għajnuna barranin ukoll għandhom problema biex jiffissaw l-istatistika tal-mewt minħabba li l-inħawi jinkludu anki l-komunitajiet tal-Afgani kostretti li jgħixu bħal refuġjati minħabba l-gwerer tal-aħħar snin.