Il-proċeduri li fetaħ il-Partit Nazzjonalista kontra l-PBS u l-Awtorità tax-Xandir komplew it-Tlieta filgħodu fil-Qorti. Dan wara li f’Settembru il-PN talab lill-Qorti sabiex tisma’ l-kawża kostituzzjonali b’urġenza, minħabba li l-Awtorità tax-Xandir ma ħaditx azzjoni kontra ċ-ċensura tal-PBS fil-konfront tal-PN.
Dan għaliex, skont l-Awtorità tax-Xandir, avolja l-PN ingħata r-raġun…il-Prim Ministru Robert Abela kien laħaq għamel u-turn u ordna li ssir inkjesta pubblika dwar il-mewt ta’ Jean Paul Sofia, u huwa għalhekk li dak li kien ġara barra l-Parlament u fil-Parlament – skont l-Awtorità – kien tilef il-valur.
Fil-Qorti, perseduta mill-Imħallef Wenzu Mintoff, it-Tlieta filgħodu tela’ jixhed l-editur reġistrat tal-PBS, Charles Dalli…illi fix-xhieda tiegħu qal li hu jiddecċiedi x’jidher u x’ma jidhirx fl-aħbarijiet.
U meta mistoqsi għalfejn id-deċiżjoni tal-Awtorità ma ġietx irrapportata fl-aħbarijiet, hu qal li ma ħassx li kellha valur relevanti għall-aħbarijiet.
Minn naħa tal-avukati li qed jirrappreżentaw lill-PN, ġiet ippreżentata lista tal-ilmenti kollha li l-partit ressaq quddiem l-Awtorità tax-Xandir, u li ġew milqugħa fl-aħħar tlett snin……li f’kollha, apparti f’każ wieħed, l-awtorità ordnat rimedju. Fil-każ li l-Awtorità ma ordnatx rimedju..il-PBS kien ammetta u talab skuża li kien naqas minn naħa tax-xandir nazzjonali – apoloġija li kienet milqugħa mill-PN.
Charles Dalli, waqt li kien qed jiġi mistoqsi mill-avukati tal-PN, ippreżenta lista ta’ deċiżjonijiet favur il-PBS…li għalkemm l-awtorità tax-xandir ma kinitx ordnat rimedju, ix-xandir nazzjonali xandarhom xorta waħda.
Hu kien ukoll mistoqsi dwar kif deċiżjoni favur il-PBS tiġi mxandra fuq ix-xandir nazzjonali, imma dik favur il-PN, il-PBS jiċċensuraha. B’Dalli jtenni li f’dan il-każ – skont hu – ma kienx hemm valur ta’ aħbar.
Fil-Qorti il-PN kien rappreżentat mis-Segretarju Ġenerali Michael Piċċinino, bl-assistenza tal-Avukati Paul Borg Olivier u Francis Zammit Dimech.
Il-każ ikompli fl-20 ta’ Ottubru li ġej.
//= $special ?>