Joe Giglio, PN
Id-deputat Nazzjonalista spjega fil-parlament li l-gvern ma jridx jimplimenta proposta tal-PN dwar il-korpi dixxiplinati sempliċiment għax mhix proposta tiegħu.
Kien il-Ministru Byron Camilleri li fil-parlament iddikjara li l-gvern Laburista rebaħ l-elezzjoni ġenerali li għaddiet u għalhekk huma l-proposti tal-PL li se jkunu implimenatati u mhux dawk talk-PN.
Fid-diskors fil-parlament fid-dibattitu dwar l-abbozz ta’ liġi li se jemenda l-Att dwar il-Kummissarju għall-Ġustizzja, Joe Giglio appella lill-gvern biex idaħħal il-proposta dwar il-pensjoni kollha lill-persuni tas-servzzi li jkunu temmew is-servizz wara 25sena u jibqgħu jaħdmu fil-korpi dixxiplinati. Din hi proposta ħafna aħjar mill-proposta tal-PL iżda l-gvern ma jridx jimplimentaha.
Id-deputat Nazzjonalista appella biex iktar nies jersq lejn il-korpi dixxiplinati għaliex hemm problema biex in-nies imorru għal dawn ix-xogħlijiet.
Joe Giglio qal li l-proposta li dawk li nstabu ħatja ta’ ammonti żgħar ta’ pussess tad-droga l-proċeduri jsiru quddiem il-kunsilli lokali u min jinstab ħati jeħel multa żgħira li ma jitniżżlux fil-kondoitta hi tajba.
Il-gvern kien qed iħoss li l-liġijiet tal-passat jinbidlu biex kull każ ikun trattat fil-kuntest tiegħu. Dakinhar li saru dawn il-liġijiet, il-gvern Laburista kien qed jgħid li qed jilliberalizza l-kannabis b’mod li ntbagħat messaġġ li kulħadd jista’ jpejjep il-kannabis. Dan wassal biex it-tipjip tal-kannabis sar bl-aktar b’mod apert u miftuħ.
Id-deputat Nazzjonalista qal li jaqbel li min ikollu problema ta’ dorga ma jkunx vittimizzat anzi jingħata għajnuna meħtieġa. Il-liġi issa qed tgħid li minkejja li l-persuni jkunu proċessi quddiem it-tribunali lokali fuq pussess żgħir għall-użu personali, il-ministru se jinnomina persuna biex jinżamm reġistru ta’ dawn il-kundanni kollha.
Dan ir-reġistru jista’ jkun aċċessibbli għal ċertu entità, li huma l-pulizija, l-FAM, ir-Reġistratur tal-Qorti Kriminali, it-tribunali. Hu staqsa għaliex ir-Reġistratur tal-Qorti Kriminali għandu jkollu dan l-aċċess.
Dan se jġib is-sitwazzjoni li l-iskop ewlieni tal-liġi se jkun intilef, sostna Joe Giglio, li qabel li l-Kummissarju tal-Pulizija u l-FAM għandu jkollhom dan l-aċċess.
Dan ir-reġistru jista’ jkun aċċessibbli wkoll għal kull awtorità pubblika oħra iżda ma jispeċifikax liema huma. Għaliex dawn għandu jkollhom aċċess għal dan ir-reġistru meta l-gvern kien jgħid li r-riformi qed isiru biex il-persuni vittmi tad-droga ma jkunux preġudikati mis-soċjetà.