Futbol Sport

Jirtira Eden Hazard, eks plejer ta’ Chelsea u Real Madrid

(Ritratt: EPA)

L-eks plejer ta’ Chelsea u Real Madrid Eden Hazar ħabbar li rtira mill-futbol milgħub fl-età ta’ 32 sena.

Hazard ingħaqad ma’ Real Madrid mingħand Chelsea fl-2019 għal £89 miljun, iżda lagħab biss 54 logħba tal-kampjonat għall-iġganti Spanjoli u ħalla lill-klabb fi tmiem l-istaġun li għadda.

Huwa rebaħ darbtejn il-Premier League matul iż-żmien tiegħu fi Stamford Bridge.

Il-Belġjan kien diġà rtira mill-futbol internazzjonali f’Diċembru li għadda wara li kien parti mill-iskwadra li kienet eliminata mit-Tazza tad-Dinja tal-2022 waqt il-fażi tal-gruppi.

Ma’ Real Madrid, Hazard rebaħ iċ-Champions League, Tazza tad-Dinja tal-Klabbs, Super Cup Ewropea, żewġ titli La Liga, Copa del Rey u darbtejn is-Super Cup Spanjola. Minkejja dan, il-perjodu tiegħu fi Spanja kien imtappan b’numru kbir ta’ injuries li żammewħ lura milli jkollu s-suċċess li kellu ma’ Chelsea, fejn għal diversi snin kien wieħed mill-aqwa plejers fl-Ewropa.

Hazard beda l-karriera tiegħu mal-klabb Franċiż ta’ Lille, fejn skorja 50 gowl f’149 dehra u għen lill-klabb jirbaħ doppjetta domestika ta’ Ligue 1 u Coupe de France fl-istaġun 2010/11.

Huwa ingħaqad ma’ Chelsea fis-sajf tal-2012, għal somma rrapurta ta’ £32m u, fejn fost oħrajn rebaħ il-Plejer tas-Sena tal-PFA fl-2014/15.

Hazard skorja 110 gowl f’352 dehra għall-Blues, inkluż il-gowl tar-rebħa fil-finali tal-Europa League tal-2019 kontra Arsenal, f’dik li kienet l-aħħar dehra tiegħu mal-klabb.

Huwa wkoll wieħed mill-erba’ plejers fl-istorja tal-Premier League, flimkien ma’ Thierry Henry, Matt Le Tissier u Eric Cantona, li skorja 15-il gowl jew aktar u pprovda 15-il assist jew aktar fi staġun wieħed. Fil-fatt fl-istaġun 2018/19 Hazard skorja 16-il darba u għamel 15-il assist matul il-kampanja 2018/19.

Mal-Belġju, Eden Hazard iddebutta fl-2008 kontra l-Lussemburgu biex minn dakinhar ‘il quddiem lagħab total ta’ 126 partita u skorja 33 gowl. Huwa lagħab f’żewġ edizzjonijiet tat-Tazza tad-Dinja u żewġ kampjonati Ewropej filwaqt li kien captain tar-Red Devils għal 56 darba.