It-triatleti Keith Galea u Danica Bonello Spiteri ikkonfermaw il-potenzjal tagħhom fix-xena tat-triathlon lokali meta rebħu l-Kampjonati Nazzjonali għad-disa’ darba u s-16-il darba rispettivament. Organizzati fis-Salina, post sinonimu mat-triathlon f’Malta, il-Kampjonati Nazzjonali għalqu l-istaġun tat-triathlon 2023.
Organizzati mill-Federazzjoni Maltija tat-Triathlon l-aħħar kompetizzjoni tas-sena ġabret flimkien taħlita ta’ triatleti b’esperjenza varja. Il-kompetizzjoni, li kienet tikkonsisti f’għawma ta’ 1,500 metru, 40 kilometru bir-rota u ġirja ta’ 10 kilometri, saret f’kundizzjonijiet kważi perfetti.
L-ewwel li ħareġ mill-ilma kien Keith Galea ta’ Birkirkara St Joseph li kellu vantaġġ komdu quddiem sieħbu Steve Ritchie. Warajhom kien hemm Roberto Briffa ta’ Agones SFC u Josef Azzopardi ta’ Tri Gozo, li ngħaqdu magħhom biex ġibdu lill-bqija tal-atleti fuq ir-rotta ta’ 40 km.
L-ewwel mara li spiċċat l-għawma kienet Maya Schembri Rodgers ta’ Agones SFC, li l-għawma b’saħħita tagħha tatha vantaġġ tajjeb fuq Pia Grech ta’ Shamrock Stars SC u l-veterana Danica Bonello Spiteri ta’ Pembroke Athleta.
Fit-triq tal-kosta, Galea kompla fuq quddiem, b’pass ikkontrollat u sod fil-korsa ta’ sitt dawriet. Kien biss fl-aħħar dawra li ta’ spinta qawwija biex ikabbar id-distakk u jidħol fit-tieni transizzjoni fil-ġirja qabel Ritchie, Briffa u Azzopardi. B’Galea fil-vantaġġ, Briffa ħareġ warajħ għall-ġirja iżda ftit wara għaddieħ Ritchie segwit minn Azzopardi, li eventwalment qabeż lil Ritchie biex għadda fit-tieni post.
Ma kien hemm l-ebda tibdil f’din il-pożizzjoni hekk kif it-tellieqa mxiet u Galea qasam il-linja finali għad-disa’ titlu tiegħu ta’ Kampjonat. Warajh daħlu Azzopardi u Ritchie .Huwa temm f’sagħtejn 6 minuti u 46 sekonda.
Fil-kategorija tan-nisa, Bonello Spiteri ħarġet mill-għawma fit-tielet post iżda fit-taqsima tar-rota hi ssuperat lil Schembri Rodgers u Grech marret fil-vantaġġ. Meta ħarġet mit-tranżizzjoni lejn iż-żewġ dawriet tal-ġirja ta’ 10km, żammet vantaġġ komdu sal-aħħar meta temmet it-tellieqa fl-ewwel post f’sagħtejn, 27 minuta u 57 sekonda biex rebħet is-16-il Titlu Nazzjonali tagħha. Schembri Rodgers u Grech temmew fit-tieni u t-tielet post rispettivament.
It-trofej ġew ippreżentati lir-rebbieħa minn Michelle Vella Wood, membru tal-Bord Eżekuttiv tal-Federazzjoni Maltija tat-Triathlon. Il-Federazzjoni organizzat ukoll Super Sprint Distance Race għal triatleti ta’ taħt it-18-il sena. Għalkemm mhux tellieqa uffiċjali, l-avveniment ta lit-triatleti żgħażagħ esperjenza f’ambjent tat-tlielaq, li saret taħt is-superviżjoni tal-Konsulent Tekniku tal-Federazzjoni Bruno Mahsoudi.
//= $special ?>

