Sport Sport Ieħor

Weightlifting: Jesmond Caruana maħtur Viċi President tal-Konfederazzjoni tal-Meditteran tal-Weightlifting

Sar il-Kungress Elettiv tal-Konfederazzjoni tal-Mediterran tal-Weightlifting.

Ta’ sodisfazzjon il-ħatra tal-President tal-Malta Weightlifting Association Jesmond Caruana li kien elett bħala Viċi-President. President tal-Konfederazzjoni, elett b’mod unanimu huwa Pyrros Dimas li huwa leggenda fid-dinja tal-Weightlifting, rebbieħ ta’ tlett midalji tad-deheb fl-Olimpijadi ta’ Barcelona 1992, Atlanta 1996 u Sydney 2000 filwaqt li fl-Olimpijadi ta’ Ateni fl-2004 fi tmiem il-karriera rebaħ il-midalja tal-bronż.

It-tieni Viċi-President huwa Abdel Mahsoud Muhammed tal-Eġittu filwaqt li Manareddin Eshelli tal-Libanu huwa Segretarju Ġenerali.

Eletti wkoll Bossian David ta’ Franza, Maurizio Lo Buono tal-Italja kif ukoll Nedim Masic tal- Bożnija Herzegovina, Boubaker Bechradui tat-Tuneżija u kamel Sadi tal-Algerija.

Indirizzaw il-Kungress tal-Konfederazzjoni tal-Mediterran tal-Weightlifting is-Segretarju Ġenerali tal-Federazzjoni Internazzjonali tal-Weightlifting Dott. Antonio Urso kif ukoll Antonio Conflitti u Milan Mihajlovic, President u Segretarju Ġenerali tal-Federazzjoni tal-Ewropa tal-Weightlifting.

Saret preżentazzjoni minn Taranto 2026 li se torganizza l-Logħob tal-Mediterran fejn tħabbar li fl-2025 it-Tazza tal-Mediterran tal-Weightlifting se ssir ukoll f’Taranto.