Anzjan ta’ 68 sena ġie kundannat 30 xahar ħabs u mmultat €2,000 wara li nstab ħati li f’Marzu tas-sena l-oħra hedded Maġistrat u Spettur, f’żewġ ċirkostanzi differenti, fil-binja tal-Qorti. Il-Maġistrat Marse-Anne Farrugia, semgħet lill-prosekuzzjoni tgħid li Joseph Zahra hedded lill-Ispettur fit-18 ta’ Marzu tal-2022 li m’obdiex l-ordnijiet leġittimi tal-Pulizija u kiser il-paċi pubblika.
Mix-xhieda, irriżulta li waqt li kienet għaddejja seduta tad-distrett quddiem il-Maġistrat Monica Vella, l-akkużat kellu xi jgħid ma’ numru Pulizija li kienu barra l-awla. Hu beda jilmenta li kien ilu ħafna jistenna biex tissejjaħ il-kawża tiegħu.
Minħabba l-kommossjoni li nqalgħet, l-Ispettur ħareġ mill-awla u beda jipprova jikkalma lill-anzjan, li dan wieġbu – “Spettur, ibża’ minni”. Zahra nstab ħati wkoll li erbat ijiem biss qabel hedded lill-Maġistrat Nadine Lia, wkoll fil-binja tal-Qorti.
Instab ħati wkoll li fid-29 ta’ Diċembru tal-2021, fil-Belt Valletta, seraq żewġ mobiles, kiser il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest u sar reċediv. Fis-sentenza tagħha, il-Qorti nnotat li l-kondotta tal-akkużat fiha hija waħda kkulurita fejn fiha 109 faċċati ta’ litaniji ta’ reati differenti li jinkludu serq u ksur tal-liġijiet tas-sewqan.
Qieset ukoll, li Zahra m’għandux kontroll fuq dak li jgħid u li xi drabi jaf ma jkun xejn ħelu, b’mod speċjali mal-Pulizija għax iħosshom qed jikkontrollawlu l-imġiba tiegħu. Apparti l-piena ta’ ħabs u l-multa, il-Maġistrat ordnat il-konfiska favur il-Gvern ta’ €300 bħala garanzija, ordnat lill-akkużat iħallas l-ispejjeż tal-Qorti u ħarġitlu ordni ta’ trażżin għal tliet snin. Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Kevin Pulis, Gabriel Micallef u Kurt Farrugia.
//= $special ?>