Lokali

Abbozz ta’ liġi biex ikollna sindki ta’ 16 u 17-il sena

Bl-aħħar abbozz ta’ liġi ppreżentat mill-Gvern li jemenda Kapitolu 363 tal-liġi ta’ Malta – l-att dwar il-Gvern Lokali; żagħżugħ jew żagħżugħa ta’ ta’ 16 u 17-il sena tista’ tibda tokkupa l-ogħla karigi fil-Kunsill Lokali.

F’konferenza tal-aħbarijiet li saret l-Erbgħa filgħodu, ġie ppreżentat abbozz ta’ liġi dwar l-irwoli ta’ Sindku u Viċi-Sindku fil-Kunsilli Lokali, fejn permezz ta’ dan l-abbozz, żgħażagħ tal-età ta’ bejn is-16 u 17-il sena ser ikunu jistgħu jibdew jokkupaw dawn il-karigi fil-Kunsill.

Wara li fl-2019 iddaħħlu emendi fil-liġi li ppermettew żgħażagħ minn 16-il sena ‘l fuq sabiex jibdew jikkontestaw l-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali, ingħad li issa kien imiss dan l-iżvilupp – fejn żgħażagħ tal-età ta’ 16 u 17-il sena jistgħu jieħdu posthom fit-tmexxija tal-lokalitajiet.

Skont dan l-att, il-kariga ta’ Sindku għandha timtela’ minn dak il-kunsillier elett fl-aħħar elezzjoni lokali ta’ dik il-lokalità li jkun kiseb l-ogħla għadd ta’ voti mal-ewwel għadd minn fost il-kandidati tal-partit politiku li f’dawk l-elezzjonijiet ikun kiseb il-maġġoranża assoluta ta’ kunsillieri f’dak il-Kunsill.

Fl-istess konferenza tal-aħbarijiet intqal illi dan l-abbożż ta’ liġi mistenni jitressaq quddiem il-Parlament fil-jiem li ġejjin.