Lokali Qorti

Christian Borg immultat €3,000 wara li naqas li jassigura s-sigurtà tal-ħaddiema fuq żvilupp li kellu rabtiet ma’ Robert Abela

Christian Borg, li jinsab mixli li flimkien ma’ ħamest irġiel oħra fil-ħtif ta’ raġel fir-Rabat, u li huwa wkoll is-suġġett ta’ inkjesta kriminali dwar reati finanzjarji, ġie mmultat €3,000 għan-nuqqas tiegħu li ħames snin ilu naqas li jassigura s-sigurtà tal-ħaddiema fi proġett ta’ żvilupp ta’ art li kellu rabtiet kontroversjali mal-Prim Ministru Robert Abela fejn kien għaddew xi pagamenti.

Il-multa ngħatat mill-Maġistrat Rachel Montebello wara li sabet lil Borg ħati ta’ dawn in-nuqqasijiet. Sitt xhur qabel ma saru dawn il-pagamenti, Robert Abela, llum Prim Ministru kien daħal f’kuntratt biex jixtri biċċa art f’Ħaż-Żabbar, u trasferixxa s-sehem tiegħu lil Borg ftit xhur wara.

Minn dan il-kuntratt Abela kien irċieva €45,000 għall-bejgħ tal-proprjetà Dak iż-żmien Robert Abela kien għadu deputat fejn hu u martu Lydia Abela rċevew tliet ħlasijiet mingħand Christian Borg, filwaqt li Borg irċieva ħlas apparti mingħand Lydia Abela.

The Times kienet irrapportat li fi Frar 2019, Lydia Abela ħarġet ċekk ta’ €48,000 lil Borg. Kelliem fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru kien qal li dan iċ-ċekk kien marbut ma’ ordni ta’ sekwestru mill-Qorti. Id-ditta legali ta’ Abela kienet irrappreżentat lil Borg f’kawża fil-qorti, u dan l-ammont ingħata lura lil Borg meta l-każ ingħalaq.

Times of Malta kienet irrappurtat ukoll li Borg għandu 170 karozza reġistrati taħt ismu, u 1,500 karozza reġistrati taħt numru ta’ kumpaniji tiegħu. Fost l-entitajiet li qed jikru karozzi mill-kumpaniji ta’ Borg kien hemm il-LESA u Transport Malta.

Minbarra l-każ ta’ ħtif Borg qed jiġi akkużat ukoll li saq mingħajr liċenzja, hedded lill-uffiċjali tal-pulizija. Borg huwa wkoll sid ta’ negozju kontroversjali tal-kiri ta’ karozzi, No Deposit Cars, fejn ukoll allegatament wettaq reati fil-konfront ta’ persuni li krew jew xtaw karozzi mill-kumpanija tiegħu.

Il-multa €3,000  hi l-minima li tista’ tingħata fuq ksur tas-sigurtà taħt l-Att dwar l-Awtorità tas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol. Dawn il-multi dejjem kienu kkritikati u meqjusa bħala inadegwati wara l-mewt ta’ Jean Paul Sofia f’Diċembru li għadda.

Każ ieħor fejn din id-darba Christian Borg, bħal ma seħħ f’każ ta’ individwi oħra ġie meħlus minn terminu ta’ ħabs potenzjali minkejja n-nuqqas tiegħu li jindirizza n-nuqqasijiet wara spezzjonijiet ta’ diversi drabi minn naħa tal-OHSA.

Fl-2018 il-koppja kisbet sehem mill-plot meta Robert Abela kien qed jagħti pariri lill-Awtorità tal-Ippjanar

Dan il-każ jiċċentra fuq plot f’Ħaż-Żabbar fi Triq il-Karmnu, kantuniera ma’ Triq Alessio Erardi, li fiha Robert Abela u martu kisbu sehem f’Ġunju 2018. Dak iż-żmien, Abela kien qed jagħti pariri legali kemm lil Borg kif ukoll lill-Awtorità tal-Ippjanar.

L-Awtorità tal-Ippjanar kienet tat permess lil Borg biex jibni blokka ta’ disa’ appartamenti f’siti mingħajr ebda problemi, b’Borg jiddikjara fil-formola tal-applikazzjoni tiegħu li ma kienx is-sid tas-sit iżda kiseb il-kunsens mis-sidien tiegħu.

Investigazzjoni minn naħa ta’ The Times kienet kkonfermat li l-Prim Ministru u l-mara tiegħu għamlu qligħ ta’ €45,000 meta biegħu s-sehem tagħhom lil Borg ftit xhur wara: Borg akkwista s-sit kollu għal €315,000 fid-29 ta’ Novembru, 2018.

Il-ġurnal The Times kien ikkwota wkoll esperti tal-evażjoni tat-taxxa li ddeskrivew il- dettalji tal-ftehim tal-proprjetà bħala suspettużi. Borg ma żammx mal-kundizzjonijiet tal-permess, iżda, u fl-2020 applika  b’suċċess – biex jissanzjona diversi illegalitajiet fuq il-post u biex jibdel it-tqassim tal-appartamenti li kien għad iridu jinbnew.

Il-proċedimenti kriminali kontra Borg, iżda, jiffokaw fuq in-nuqqas li jaderixxi mar-regolamenti dwar is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol, speċifikament l-Avviż Legali 88 tal-2018, li jistabbilixxi rekwiżiti minimi ta’ saħħa u sigurtà għal xogħol f’siti ta’ kostruzzjoni.

Huwa ġie mixli li naqas milli jieħu l-miżuri kollha meħtieġa dwar is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol, u li naqas milli jikkoordina pjan ta’ saħħa u sigurtà fil-konfront tal-ħaddiema li kien legalment responsabbli għalih setgħu jsegwu b’mod konsistenti.

L-akkużi segwew spezzjoni fuq il-post li saret mill-OHSA fid-19 ta’ Settembru, 2022, fejn l-uffiċjali tal-awtorità sabu numru ta’ nuqqasijiet. Għadd ta’ gallariji ma kellhomx xi protezzjoni biex jipprevjenu kontra l-waqgħat, u l-ħaddiema saħansitra rriskjaw li jaqgħu mill-għoli sempliċiment meta jaċċessaw is-sit, li kellhom iwassluh billi jimxu minn fuq pjanċi tal-injam dojoq minn fuq foss.

Barra minn hekk, Borg kien naqas milli jikkontrolla l-aċċess għas-sit. In-naħa ta’ wara tas-sit kienet aċċessibbli għal kulħadd, u planka tal-injam kienet isservi ta’ bieb improviżiv li jinqabeż faċilment fuq quddiem.

B’żieda mal-ħsara, l-ispezzjoni ta’ Settembru 2022 kienet fil-fatt ir-raba’ spezzjoni li saret fuq il-post, instabu nuqqasijiet simili fi spezzjonijiet li saru f’Lulju 2020, Jannar 2021 u Ottubru 2021. L-ispezzjonijiet evidentement ma rnexxilhomx ikollhom l-effett mixtieq, b’riskji li rriżultaw għall-ħaddiema involuti, iżda pprovdew biżżejjed provi biex il-Maġistrat Montebello issib lil Borg ħati.