Approvati kwazi 200 kandidat f’isem il-PN għall-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali li se ssir fit-8 ta’ Ġunju li ġej.
Dan tħabbar waqt laqgħa li saret fid-Dar Ċentrali, indirizzata mill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech – laqgħa għall-kandidati kollha li ġew approvati s’issa f’isem il-Partit Nazzjonalista għall-elezzjonijiet tal-Kunsilli lokali, u li kienet indirizzata wkoll mill-Viċi Kap tal-PN Alex Perici Calascione, mis-Segretarju Ġenerali tal-PN Michael Piccinino u mill-kordinatur tal-Kunsilli Lokali Charles Bonello.
Matul din l-istess laqgħa ingħatat aktar informazzjoni dwar il-programm ta’ formazzjoni u taħriġ li ġie imħejji propju għall-kandidati kollha f’isem il-PN mill-Fondazzjoni AŻAD – bi spjegazzjoni li ingħatat minn Roderick Agius, li jmexxi l-istess Fondazzjoni.
Tul dan il-programm ta’ taħriġ li se jsir fid-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista, ser jingħataw diversi sessjonijiet kemm dwar l-istruttura tal-Partit fuq livell nazzjonali u lokali, kif ukoll dwar il-vokazzjoni ta’ servizz; mibnija fuq il-valuri ta’ integrità u għaqda f’tim wieħed fi ħdan il-Partit Nazzjonalista.
Minn naħa tiegħu, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech tkellem dwar l-importanza tal-ħidma tal-kunsilli lokali, u insista li l-għan tal-kunsillieri huwa li jaqdu lir-residenti kif ukoll lil-lokalità biex isiru proġetti bi pjan, bi ħsieb u konsultazzjoni.
Bernard Grech tenna li jinsab sodisfatt bit-taħlita li hemm – bejn kandidati ta’ esperjenza oħrajn żgħażagħ u ġodda li avviċinaw lill-Partit Nazzjonalista sabiex jagħtu sehemhom fil-lokalitajiet fejn trabbew u għexu.
//= $special ?>