Serb ta’ 42 sena residenti Tal-Pietà ġie ikkundannat ħames snin ħabs u mmultat €15,000 mill-Maġistrat Marse-Anne Farrugia wara li ammetta li hedded lill-ġirien sal-punt li l-pulizija li marru fuq il-post u kellhom jitolbu l-għajnuna tagħhom.
Ir-raġel ħareġ ukoll armi fil-konfront tal-Pulizija u heddidhom li se joqtolhom. Srdan Stevanovic li għandu problema ta’ droga – ammetta wkoll li fil-lejl ta’ bejn l-1 u t-2 ta’ Novembru ta’ tliet snin ilu għamel ħsara fuq il-karozza ta’ persuna. Huwa kien ġie mixli wkoll li kellu armi fl-appartament fejn kien jgħix u li hedded numru ta’ pulizija.
Akkuża oħra fil-konfront ta’ Stevanovic kienet li f’Ottubru 2020, u qabel, ma ħax ħsieb klieb kif jixraq u li naqas li jħares il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest mogħtija lilu fl-2016 fuq każ ieħor. Mill-provi ħareġ li fl-1 ta’ Novembru ta’ tliet snin ilu, il-Pulizija rċeviet rapport li kien hemm raġel qed jargumenta man-nies fi Triq Qrejten u li kkawża ħsara f’karozza.
Il-pulizija mir-Rapid Intervention Unit (RIU) marru fuq il-post fejn ġew infurmati minn xi nies li r-raġel heddidhom b’sikkina. Huma ħabbtu fuq il-bieb tar-residenza tiegħu u r-raġel, identifikat bħala l-akkużat, fetħilhom b’sikkina f’idu u beda jheddidhom.
Hawn l-istorja esklat fejn il-pulizija ċemplu għal aktar għajnuna u għalqu t-triq fejn anke ssejħet ambulanza. Huma daħlu f’appartament ieħor u bdew isegwu l-movimenti tas-Serb. F’ħin minnhom il-pulizija ngħataw l-ordni biex jidħlu, u issa hawn sabu lill-akkużat b’senter immirat lejhom.
Huwa qalilhom “today I die and I will kill you all” -illum jien se mmut u se noqtolkom kollha u beda joffendihom bil-lingwa Maltija. Hawn l-pulizija rtiraw u rawh joħroġ fil-bitħa tar-residenza b’pistola f’idu. Kien hawn li l-pulizija bdew negozjati miegħu u f’ħin minnhom qalilhom li kien ħa xi pilloli u kien għajjien.
Fuq il-post waslet ukoll il-kuġina tiegħu li qalet lill-Pulizija li huwa kien jieħu d-droga. Peress li fil-post kien hemm kelb, il-pulizija sparaw dart mit-tieqa ta’ appartament ieħor imma għalkemm laqtuh, it-trankwillant ma ħadimx kif suppost.
Wara madwar sitt wara sigħat il-pulizija sgassaw il-bieb u sabu lill-akkużat fil-kamra tas-sodda b’sikkina, senter u pistola. Hemm sabulu wkoll basket b’ammont kbir ta’ skrataċ u balal, xabla, żewġ lembubi u flixkun tal-whisky li l-Pulizija ssuspettat kien fih molotov cocktail.
Mal-ħajt il-pulizija sabu biċċa tal-gypsum li kellu mijiet ta’ daqqiet ta’ sikkina waqt li fil-bitħa nstab kelb fi stat ta’ dekompożizzjoni u żewġt iklieb oħra f’gaġġa kbira. Peress li wieħed mill-klieb, li kien jixbah lil dak tar-razza Pitbull, mar jiġri fuq il-pulizija, dawn sparawlu żewġ tiri li laqtuh f’siequ., bil-kelb jibqa’ ħaj.
Wara li semgħet ix-xhieda tal-pulizija involuti fil-każ u ta’ psikjatra u social worker, il-Maġistrat Marse-Anne Farrugia qalet li minkejja l-aġir tiegħ, il-pulizija kkonfermaw li ma kienx vjolenti lejhom. Saħqet li minbarra l-kliem inġurjuż u ta’ theddid, l-akkużat xejjer sikkina fid-direzzjoni tal-pulizija u laqa’ lill-pulizija b’senter, u n-negozjati biex iċedi damu sitt sigħat.
Il-Maġistrat iddeskriviet l-aġir tal-akkużat bħala wieħed li ta’ forza illeġittima diretta lejn diversi uffiċjali tal-Pulizija. Meta ġiet biex tagħti s-sentenza l-Qorti qieset ukoll li l-akkużat ammetta meta sab ruħu daru mal-ħajt. Hi nnutat ukoll li mill-fedina penali tiegħu jirriżulta li għandu kundanna waħda biss.
l-Qorti qalet ukoll li ma wera ebda ħeġġa li jirriforma ruħu u insistiet li sakemm mhux motivat li jindirizza d-dipendenza fuq id-droga se jibqa’ ta’ periklu għas-soċjetà. Il-Maġistrat għamlitha ċara li l-piena kellha tirrifletti wkoll il-fatt li r-reati saru fil-konfront ta’ uffiċjali ta’ pulizija.
Kien għalhekk li ġie kundannat ħames snin ħabs u multa ta’ €15,000 waqt li ordnat li €2,000 garanzija personali fuq każ ieħor jgħaddi f’idejn il-Gvern u l-konfiska tal-armi. Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Lydon Zammit, Shawn Pawney u Jonathan Ransley.
//= $special ?>