It-Taqsima Gvern u Entitajiet Pubbliċi fi ħdan il-General Workers’ Union qiegħda tistenna tweġiba mingħand l-Ombudsman rigward ilment li ressqet dwar il-qtugħ tas-sick fis-servizz pubbliku hekk kif innotat li l-metodoloġija tista’ tkun żbaljata u qed tiġi applikata b’mod differenti skont il-pożizzjoni tal-ħaddiema. Dan sar wara li l-GWU bagħtet diversi korrispondenzi u anke ltaqgħet mal-People and Standards Division (P&SD) iżda qatt ma ngħatat l-ebda spjegazzjoni jew kjarifika u lanqas ma ttieħdet azzjoni sabiex jindirizzaw dawn it-talbiet tal-GWU.
Fl-ilment tagħha lill-Ombudsman it-Taqsima rreferiet għas-sistema tas-sick leave li jħaddem is-servizz pubbliku. Hekk kif jidher li hemm nuqqas ta’ ugwaljanza fl-implimentazzjoni tal-Public Service Management Code (PSMC) mal-ħaddiema kollha tas-servizz pubbliku, nuqqas fil-metodoloġija fil-proċedura tas-sick leave u nuqqas ta’ rispett lejn il-L.N. 247 tas-2003, dak li bħala Union qed tiġi injorata mill-entità relattiva.
Fil-prattika matul is-snin uħud mill-Ministeri kellhom proċedura tas-sick leave li kienet differenti minn dak li huwa stipulat fl-artiklu 3.2.3 tal-PSMC. Is-sistema mħaddma kienet waħda fluwida skont il-pożizzjoni tal-ħaddiema.
Din is-sena, fl-ewwel u t-tieni kwart tas-sena, dawn il-Ministeri bdew jaddottaw l-istess proċedura kif datata mill-PSMC għal xi wħud mill-ħaddiema li jiffurmaw parti mill-ministeri tagħhom, hekk kif ġie kkonfermat minnhom.
Hawnhekk il-GWU kienet staqsiet għal kjarifiki permezz ta’ emails mibgħuta lill-People and Standards Division (P&SD), taħt l-Uffiċċju tal-Prim Ministru (OPM) rigward diversi fatturi relatati mas-sick leave wara li din is-sitwazzjoni ġiet imressqa minn diversi membri.
Għalhekk it-Taqsima kellha tirrikorri għal talba għal investigazzjoni rigward dan is-suġġett u r-rakkomandazzjonijiet tal-Ombudsman dwar kif għandu jinqata’ s-sick leave jew jekk hemmx lok li jinbidel il-PSMC biex ma ssirx diskriminazzjoni kontra l-ħaddiema fis-servizz pubbliku.
//= $special ?>