Lokali

Il-piż tal-prezzijiet: “mediċini għoljin infern”

Tkompli tinħass aktar il-kriżi tal-mediċini f’pajjiżna, hekk kif mhux biss hemm lista twila ta’ mediċini out of stock, iżda l-mediċini bżonnjużi li jintużaw ta’ kuljum….qed jinbigħu bi prezz għoli ferm. Tant hu hekk, li persuni li jiġu bżonn ċertu mediċini ta’ kuljum, qed ikollhom jixtru l-mediċini minn barra għaliex ikunu irħass – mhux bi ftit – fil-prezz tagħhom.

Diversi persuni ċemplu u tkellmu dwar din is-sitwazzjoni waqt il-programm Feedback preżentat minn Roderick Agius, fuq NetFM. Dan hekk kif spjegaw id-diffikultà li qed isibu ruħhom fiha biex jixtru l-mediċini li għandhom bżonn għall-għejxien tagħhom ta’ kuljum.

F’telefonata partikolari, raġel saħansitra spjega kif xtara l-mediċini li juża ta’ kuljum mill-Italja, hekk kif kienu kważi nofs il-prezz li hawn fis-suq lokali.

Semmiegħa oħra spjegat kif sabet ruħha f’sitwazzjoni fejn meta marret l-isptar għall-intervent mediku, talbuha biex tixtri l-antibiotics….li jintużaw ħafna…għaliex fl-isptar huma out of stock.

Dan filwaqt li semmiegħ ieħor stqarr illi l-prezzijiet għoljin mhux jiddominaw biss il-mediċini essenzjali iżda anke dawk iżjed bażiċi.

Intant, quddiem il-piż li qed iħossu n-nies u l-aktar il-persuni vulnerabbli fis-soċjetà tagħna, il-PN ilu diversi xhur jimbotta ‘l quddiem proposti sabiex pajjiżna jibda jiġġieled il-kriżi tal-għoli tal-ħajja.