Fl-aħħar sigħat komplew joħorġu dettalji tal-waħx dwar il-qtil taċ-ċivili Iżraeljani waqt l-ewwel fażi tal-invażjoni minn Gaza.
U waqt li l-Prim Ministru Iżraeljan, Benjamin Netanyahu, irrefera għall-Hamas bħala ‘grupp agħar mill-ISIS’ hu konfermat li numru ta’ tfal u trabi kienu spiċċaw immassakrati bla ħniena fiz-zona residenzjali ta’ Kfar Aza.
Uħud mill-vittmi spiċċaw b’rashom maqtugħa, b’għexieren ta’ familji, bħalissa, qed jistennew l-aħbar dwar l-għeżież li tkakxru lejn Gaza bħala ostaġġi tal-Hamas. Dan fost it-twissijiet tat-terroristi li lesti joqtlu ostaġġ għal kull attakk ġdid min-naħa tal-Iżraeljani.
Fl-aħħar sigħat, is-suldati Iżraeljani sabu ‘xeni indeskrivibbli’ fi Kfar Aza wara li l-komunità spiċċat taħt idejn il-Hamas għal jumejn u waqt li l-Iżraeljani kienu qed jippruvaw jirkupraw il-katavri ta’diversi vittmi.
Intant, qed joħorġu dejjem aktar rapporti li t-terroristi tal-Hamas qatlu lill-irġiel, nisa, tfal u trabi ‘fil-kmamar tas-sodda u waqt il-ħin tal-kolazzjon’ u meta ċ-ċifra uffiċjali tal-Iżraeljani maqtula fl-invażjoni issa qabżet l-1,200.
Fl-istess ħin, l-Iżraeljani wissew liċ-ċivili ta’ Gaza biex jevakwaw minn diversi neighbourhoods — u liema zoni, wara, spiċċaw suġġetti għall-bumbardamenti bħala preludju għall-offensiva tal-art ‘finali’.
U forsi l-akbar biża’, bħalissa, hi li l-eskalazzjoni tal-gwerra kapaċi tferrex il-ġlied lejn bnadi oħra tal-Lvant Nofsani meta bħalissa wkoll, il-militanti tal-Hezbollah fil-Libanu u l-qawwiet tas-Sirja qegħdin jisparaw il-balal u l-missili lejn Iżrael. bl-Iżraeljani jirritaljaw anki fuq dawn il-fronti.
//= $special ?>