Ir-reġjun tal-Punent tal-Afganistan intlaqat minn terremot ieħor, ftit jiem biss wara li żewġ terremoti simili fl-istess inħawi kienu ħallew ‘il fuq minn 1,000 mejtin flimkien mal-mijiet ta’ midruba. L-epiċentru ta’ dan it-terremot kien f’zona lejn in-naħa ta’ fuq ta’ Herat, bl-ewwel rapporti jikkonfermaw ‘il fuq minn 100 midruba li kellhom jittieħdu l-isptar għal trattament.
L-impatt totali tal-aħħar terremot għadu mhux ċar, iżda r-riperkussjonijiet jistgħu huma traġiċi minħabba li ħafna Afgani, bħalissa, qed ikollhom jorqdu barra wara li nqerdulhom djarhom fit-terremoti ta’ tmiem il-ġimgħa.
Fil-fatt, it-terremoti tas-Sibt ħallew ħerba u kaos fid-distrett ta’ Zindajan, viċin ta’ Herat, u fejn ikkrollaw id-djar kollha li ma felħux għal theżżiż hekk qawwi.
Intant, l-emerġenza għall-mijiet tal-Afgani qed tikber, bl-aġenziji ta’ fejda qed jappellaw għall-ikel, kutri u provvisti urġenti oħrajn minħabba n-nuqqas akut ta’ dawn l-affarijiet essenzjali.
Dan meta l-Afgani li tilfu kollox fl-aħħar terremoti qalu li ‘qed iħossuhom qrib il-mewt’ f’dawn iċ-ċirkustanzi impossibbli.
//= $special ?>