Sport Sport Ieħor

L-Afrika t’Isfel iressaq appell kontra d-deċiżjoni tal-WADA

Il-Ministeru tal-Isport tal-Afrika t’Isfel fi stqarrija qal li preżenta appell kontra d-deċiżjoni tal-World Anti-Doping Agency li jista jagħti l-każ li t-tim tar-Rugby ma jkunx jista juża l-bandiera tal-pajjiż fil-Kwarti tal-Finali tat-Tazza tad-Dinja kontra l-ospitanti Franza nhar il-Ħadd li ġej.

Il-Ministru Zizi Kodwa qal li l-appell fil-Qorti tal-Arbitraġġ tal-Isport (CAS) għandu jwaqqaf l-effetti tad-deċiżjoni tal-WADA u jevita imbarazzament għaċ-champions tad-dinja attwali.

Ir-raġuni tad-deċiżjoni ttieħdet wara li l-Afrika t’Isfel naqqsu milli jgħaddu leġiżlazzjoni kontra d-doping skond ir-regoli tal-WADA u għandhom ċans sa nhar il-Ġimgħa 13 t’Ottubru biex jagħmlu dan.

Din id-deċiżjoni mhux biss se tkun qed taffetwa lit-tim tar-Rugby, iżda lit-timijiet kollha nazzjonali tal-Afrika t’Isfel, inkluż dak tal-Cricket li bħalissa qed jieħu sehem ukoll fit-Tazza tad-Dinja li bdiet il-ġimgħa li għaddiet fl-Indja.