Lokali

“L-entużjażmu tagħkom qed insarfuh f’aktar ħidma” – Bernard Grech

Il-preżenza, l-entużjażmu li ġġibu, l-għajnuna imprezzabli tagħkom, l-appoġġ kontinwu – aħna qiegħdin u se nkomplu nirritornawhom b’ħidma, ħidma u aktar ħidma.

Sostna dan il-Kap tal-Partit Nazzjonalsita Bernard Grech hekk kif kien qiegħed jindirizza attività socjali organizzata fid-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista f’Tal-Pietà.

Akkumpanjat mis-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Michael Piccinino u d-Deputat u Kandidat għal Elezzjoni tal-Parlament Ewropew David Agius, Bernard Grech insista li jinsab kburi bid-deputati tal-Partit Nazzjonalista – filwaqt li insista li għandu tim b’saħħtu li lest imexxi lill-pajjiż ‘il quddiem.

Filwaqt li faħħar ukoll il-ħidma tas-Segretarju Ġenerali, fejn iddeskrivih bħala mutur kontinwu li jidderiġi l-ħidma tal-Partit b’dedikazzjoni assoluta, huwa faħħar u rringrazzja wkoll lil bosta voluntiera ta’ ġimgħa wara oħra jagħtu sehemhom għal ġid tal-Partit Nazzjonalista.

Bernard Grech insista li l-pajjiż jeħtieġlu tmexxija serja u onesta u għaldaqstant il-familji Maltin u Għawdxin ħaqqhom bidla li l-bidu tagħha se tkun tfisser vot lill-kandidati tal-Partit Nazzjonalista fl-elezzjoni tal-Parlament Ewropew u l-Kunsilli Lokali f’Ġunju li ġej.