It-titjiriet kollha lejn l-Ajruport ta’ Luton spiċċaw sospiżi għal sigħat wara li multi-storey car park tat-terminal inħakem min-nirien, bil-konsegwenza li s-servizzi mill-ajruport ma ħadmux bħas-soltu.
In-nirien ikkaġunaw kroll strutturali sinifikanti fil-kumpless waqt li l-awtoritajiet għall-emerġenzi ta’ Bedfordshire qalu li n-nirien – li jidhru li kienu aċċidentali — qabdu f’vettura li kienet f’livell partikulari fil-car park.
Ma kienux rappurtati midruba, għalkemm xi nies, inklużi membri tal-iskwadri għall-emerġenza, kellhom ikunu trattati għall-effetti tad-dħaħen li belgħu.
In-nies li raw il-firxa tan-nirien qalu li l-effett tal-fjammi kien simili għall-impatt ta’ flame thrower, fost l-isplużjonijiet tal-karozzi minn minuta għall-oħra.
L-uffiċjali tal-ajruport,fl-aħħar sigħat, qalu li ngħatat kull priorità lis-sigurtà tal-passiġġieri u l-memnbri tal-istaff u li kienet għaddejja ħidma intensiva biex tkompli l-iskeda tat-titjiriet.
Il-car park inkwistjoni kapaċi jieħu madwar 2,000 vettura u skont l-aħħar indikazzjonijiet kien hemm il-mijiet tal-karozzi li ġarrbu l-ħsarat kbar inkella nqerdu għal kollox.
//= $special ?>