Il-Medda ta’ Gaza – għal dawn l-aħħar snin ikkontrollata mill-militanti tal-Hamas – qed tistenna waħda mill-akbar offensivi mill-qawwiet Iżraeljani mindu twaqqaf l-Istat ta’ Iżrael, fl-1948.
Dan meta mijiet tal-eluf tas-suldati – inklużi militar riservisti – huma lesti biex ipattuha lit-terroristi tal-Hamas li fi tmiem il-ġimgħa invadew l-artijiet ta’ Iżrael mill-fruntiera fost il-massakri tal- familji innoċenti – inklużi tfal reqdin fis-sodda…Familji li bl-ebda mod ma setgħu jsalvaw mill-militanti Iżlamiċi li kienu qed iduru minn dar għall-oħra bil-ħsieb li jeqirdu lir-residenti kollha.
Ir-reazzjoni mill-qawwiet ta’ Iżrael kienet prevedibbli u furjuża sa minn sigħat wara l-konferma tal-invażjoni, b’din il-gwerra ġdida fil-Lvant Nofsani tinsab fil-ħames jum fost ir-riperkussjonijiet sinifikanti madwar ir-reġjun u bnadi oħra tad-dinja.
Is-sitwazzjoni għall-poplu ta’ Gaza, issa qed issir aktar iddisprata wara li spiċċa l-fuel għall-unika faċilità tal-enerġija fit-territorju,
Dan ukoll meta l-Iżraeljani qed jagħmlu minn kollox biex l-ikel, il-fuel u l-mediċini ma jaslux lin-nies ta’ dan it-territorju minkejja l-appelli tan-Nazzjonijiet Uniti u l-Unjoni Ewropea biex iċ-ċivili f’Gaza ( li għandha popolazzjoni ta’ 2.3 miljuni) ma jbatux intortament f’sitwazzjoni katastrofika li qed twassal għal kriżi umanitarja bla limitu.
Mietu ‘il fuq minn 2,000 persuna mindu t-terroristi tal-Hamas wettqu l-invażjoni sorpriża ta’ Iżrael matul l-għodwa tas-Sibt.
Intant, Iżrael qed iwiegħed eskalazzjoni militari bil-ħsieb li jiknes ‘l-aħħar traċċi tal-Hamas’ minn Gaza, bl-ajruplani tal-gwerra tal-Iżraeljani qed jikkonċentraw kontinwament l-attakki fuq in-neighbourhoods tat-territorju. Il-kelliema qalu wkoll li qegħdin jolqtu ‘lill-bejtiet tat-terroristi’ li ilhom ix-xhur iwettqu l-azzjonijiet qattiela fl-artijiet Iżraeljani.
Fl-istess ħin, numru bla preċedent ta’ riservisti – mifhuma li madwar it-300,000 – jinsabu fuq standby biex jidħlu huma wkoll f’Gaza bħala parti mill-istrateġija ta’ Iżrael biex ma tibqax dwar wieqfa fit-territorju.
//= $special ?>