MeDirect, il-bank diġitali Malti, ġedded l-appoġġ tiegħu għall-programm teatrali tas-Soċjeta Filarmonika La Stella f’Għawdex. Id-donazzjoni se tkun qed tgħin biex jitellaw produzzjonijiet fit-Teatru Astra lejn l-aħħar tal-2023 u matul l-2024. Id-donazzjoni ġiet ippreżentata lil Andrea Camilleri, membru tal-kumitat tas-Soċjetà, minn Amanda Dimech, Wealth Manager, miċ-ċentru ta’ Investimenti ta’ MeDirect f’Għawdex.
Dan il-ftehim ta’ MeDirect mas-Soċjeta Filarmonika La Stella hija parti mill-impenn kontinwu tal-bank biex irawwem it-talent artistiku u sportiv Malti. MeDirect qed ikompli wkoll jappoġġja lill-komunità permezz ta’ donazzjonijiet lil bosta organizzazzjonijiet tal-karità.

Il-produzzjonijiet tat-Teatru Astra li huma skedati li jsiru fix-xhur li ġejjin, u li għalihom MeDirect se jkun is-sieħeb prinċipali, jinkludu l-pantomima tal-Milied, il-musical West Side Story f’Marzu li gej u l-kunċert RockAstra, li għandu jsir f’Ġunju 2024.
Meta tkellmet waqt il-preżentazzjoni, Dimech qalet, “MeDirect qed ikompli jkollu rwol attiv ħafna fil-qalba tax-xena kulturali Għawdxija. Is-sħubija tagħna mas-Soċjeta Filarmonika La Stella hija eżempju ċar tal-impenn tagħna biex niżguraw li Għawdex ikompli joffri teatru u mużika ta’ klassi dinjija.”
Camilleri qal, “Ix-xhur li ġejjin se jkunu impenjattivi ħafna għalina. B’imsieħba bħal MeDirect, u l-appoġġ tal-pubbliku u donazzjonijiet korporattivi oħra, nistgħu inkomplu nwettqu l-għan tagħna li nipprovdu teatru u mużika ta’ klassi dinjija f’Għawdex, xi ħaġa li aħna kburin li stajna nagħmlu għal aktar minn 50 sena.”
It-Teatru Astra ġie inawgurat fl-1968, u stabbilixxa ruħu bħala wieħed miċ-ċentri kulturali ewlenin f’Għawdex. Mill-1978 it-teatru sar magħruf ukoll għall-produzzjoni annwali ta’ l-Opra kif ukoll għall-fatt li jospita firxa ta’ kantanti, drammi u musicals internazzjonali. Aktar informazzjoni tista ssiba fuq is-sit uffiċjali tagħhom –
//= $special ?>