Internazzjonali

RAPPORTI: Il-Hamas qatlu mill-inqas 40 tarbija u tfal ċkejknin, b’uħud jinstabu dekapitati

Traġedja umanitarja totali.

Dan hekk kif rapporti internazzjonali qed jindikaw li l-militanti tal-Hamas qatlu brutalment tal-inqas 40 tarbija u tfal ċkejknin – saħansitra qatgħu l-irjus ta’ xi wħud qrib il-fruntiera ma’ Gaza.

Ġurnalisti li raw b’għajnejhom il-kadavri ta’ dawn it-tfal spjegaw li huwa verament diffiċli sabiex wieħed ifiehem il-krudeltà ta’ dak li seħħ ftit ‘il barra minn Sderot.

Huma saħqu li raw trabi mingħajr irjus, maqtula b’tiri ta’ armi tan-nar. Familji sħaħ maqtulin fis-sodda – xeni deskritti bħala tal-waħx u li ħadd qatt ma seta’ possibilment jobsor x’kien se jsib ma’ wiċċu.

Ġurnalisti mis-CNN spjegaw li l-fatalijiet huma bosta – irġiel, nisa u tfal. Marbutin, maqtula b’tiri t’armi tan-nar….vittmi ta’ eżekuzzjoni makabra li waslet saħansitra għad-dekapitazzjoni.

Ġurnalista oħra, din id-darba minn Franza spjegat li tant ix-xena hija makabra li ħadd ma ried jiżvelaha.

Kfar Aza, il-villaġġ ftit ‘il varra minn Sderot kienet attakkata mill-militanti tal-Hamas fi tmiem il-ġimgħa li għaddhiet…meta l-militanti estremisti qasmu l-fruntiera ta’ Gaza u wettqu attroċitajiet krudili u ħorox li sussegwentament intensifika l-kunflitt bejn iż-żewġ naħat.

Tal-inqas 70 militant huma maħsuba li wettqu dan il-massakru fi Kfar Aza, permezz ta’ bombi tal-idejn, armi tan-nar u skieken.

Bosta saħqu li din mhux gwerra, dawn mhux suldati….dawn ommijiet, missirijiet u ulied – maqtulin fil-kmamar tas-sodda.

Intant, l-Armata Iżraelita ħabbru li mal-fruntiera ta’ Gaza bagħtu l-infanterija, suldati armati, u l-artillerija kollha meħtieġa…..apparti xejn inqas minn 300,000 eks suldat li wieġbu għas-sejħa ta’ pajjiżhom.

Dan ifisser li malli l-Gvern ta’ Iżrael jagħti l-ordni biex l-Armata Iżraeljana tinvadi Gaza u telimina għal kollox lill-Hamas….il-qawwa militari kollha ta’ Benjamin Netanyahu lesta biex tattwa l-missjoni fis-sigħat li ġejjin.