Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne ddikjara li aktar minn 9,000 pazjent qed jistennew scan tal-MRI f’Mater Dei.
Il-Ministru Chris Fearne ta dawn iċ-ċifri fi tweġiba għall-mistoqsijiet parlamentari tad-deputat tal-PN Ian Vassallo Hagi.
Jirriżulta li total ta’ 246 minnhom jinsabu fuq il-lista ta’ stennija għal MRI b’anestesija u 8,941 qed jistennew scan li ma teħtieġx dan. Chris Fearne qal li l-Mater Dei jirċievi medja ta’ 895 riferiment għall-MRI fil-ġimgħa.
L-informazzjoni teskludi scans urġenti peress li dawn isiru malajr kemm jista’ jkun, sostna l-Ministru tas-Saħħa.
Iċ-ċifri juru wkoll li 4,461 pazjent qed jistennew CT scan u 417 ilhom jistennew kirurġija tal-katarretti għal aktar żmien mill-perjodu ta’ żmien iddikjarat fiċ-charter tal-pazjenti.
Iċ-charter hu numru ta’ drittijiet u responsabbiltajiet tal-pazjenti u jinkludi perjodi ta’ żmien speċifiċi li fihom in-nies għandhom jirċievu t-trattament.
Iċ-charter jispeċifika li f’każijiet mhux urġenti, il-kura jew l-intervent iridu jinbdew fi żmien 18-il xahar għal kundizzjoni li x’aktarx ma tiddeterjorax malajr u li ma jkollhiex il-potenzjal immedjat li ssir emerġenza.
Chris Fearne qal li 991 persuna ilhom jistennew sostituzzjoni totali tal-irkoppa u 72 għal waħda parzjali għal aktar żmien mill-perjodu ta’ żmien stipulat fiċ-charter.
180 pazjent ieħor ilhom jistennew sostituzzjoni tal-ġenbejn għal perjodu li jaqbeż dak permess fiċ-charter.