Lokali Qorti

Ħames snin ħabs fuq serq aktar minn €2,000 minn trakkijiet meta kien taħt sentenza sospiża

Ħalliel intbagħat ħames snin ħabs wara li ammetta li seraq aktar minn €2,000 fi flus kontanti minn tliet trakkijiet tal-kunsinna fil-Mellieħa waqt li kien taħt sentenza sospiża. Dusan Penzes, Serb ta’ 42 sena, residenti l-Mellieħa tressaq il-Qorti quddiem il-Maġistrat Charmaine Galea, akkużat b’serq aggravat ta’ €1,600 flus kontanti mingħand fornitur wieħed fil-Mellieħa fit-8 ta’ Awwissu u serq ieħor aggravat ta’ tliet mobiles b’valur ta’ madwar €700 mingħand fornitur ieħor ukoll fil-Mellieħa, erbat ijiem qabel.

Akkuża oħra ta’ serq aggravat – din id-darba ta’ pouch li fih iċ-ċwievet, tirrigwarda s-6 ta’ Ottubru, fil-Mellieħa. Penzes kien akkużat ukoll li kiser sentenza sospiża li kien ingħata f’Marzu ta’ din is-sena. Penzes, qal lill-Qorti li kien qiegħda, wieġeb ħati tal-akkużi.

Fis-sottomissjonijiet tagħhom dwar il-piena, il-prosekuzzjoni talbet sentenza ta’ ħames snin. Il-Qorti rrimarkat lill-imputat li jista’ jkun qed jiffaċċja sentenza ferm itwal. Wara li tat lill-imputat diversi minuti biex jerġa’ jikkunsidra, huwa kkonferma l-ammissjoni tiegħu tal-ħtija.

Il-Qorti tat sentenza ta’ ħabs għal 60 xahar – 44 xahar għall-akkużi ta’ serq, flimkien ma’ riattivazzjoni tas-sentenza ta’ 16-il xahar li qabel kienet ġiet sospiża. L-ispetturi tal-Pulizija Ryan Vella u Warren Galea tħarrku, assistiti mill-avukat Joseph Camilleri Azarov mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali. L-Avukat Julia Micallef Stafrace irrappreżentat lill-imputat bħala għajnuna legali.