Lokali

Il-Kamra tal-Kummerċ tappella lill-Gvern biex jaġixxi minnufih quddiem l-isfidi li qed jaffaċċja pajjiżna

Il-Gvern għandu jqum u jaġixxi immedjatament, jekk verament irid li jindirizza l-isfidi li qed jaffettwaw b’mod negattiv il-produttivita, il-kompettitivià, ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna, il-benesseri soċjali u l-kwalità tal-ħajja tal-poplu Malti.

Kien dan il-qofol tal-messaġġ li waslet il-Kamra tal-Kummerċ waqt laqgħa li kellha mal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech fejn matulha ġie preżentat id-dokument ta’ qabel il-budget li tħejja proprju minn din il-Kamra.

Il-President tal-Kamra tal-Kummerċ Chris Vassallo Cesareo qal li l-Kamra qed tippreżenta iktar minn 250 proposta li se jgħinu biex Malta tkun pajjiż aħjar.. b’enfasi partikolari fuq il-bżonn ta’ iktar infurzar, titjieb il-kwalità tal-ħajja u l-ambjent ta’ madwarna u tikber u tissaħħaħ l-ekonomija.

Fost dak li qed tipproponi l-Kamra hemm li jittieħdu miżuri li verament inaqqsu l-problema tat-traffiku f’pajjiżna, ikun hemm l-investiment neċessarju biex pajjiżna jkollu sistema b’saħħitha ta’ elettriku, jiżdied l-infurzar ta’ liġijiet u regoli u jingħata sussidju lil dawk il-businesses li hume ekonomikament vijabbli u li qed jinvestu f’enerġija effiċjenti, fost numru ta’ proposti oħra. 

Fil-preżentazzjoni tagħha, il-Kap Eżekuttiv tal-Kamra tal-Kummerċ Marthese Portelli spjegat kif il-Budget għas-sena d-dieħla għandu jikkonċentra fuq trasformazzjoni tal-mudell ekonomiku kurrenti li jinbidel f’ekonomija li tibbaża fuq il-benesseri soċjali li minnhom tibbenefika s-soċjetà kollha.

F’dak li għandu x’jaqsam mal-komunità tan-negozju, il-Budget għandu jara li titjieb l-effiċjenza u l-produttività. Dan hekk kif bħalissa n-negozji qed jaffaċċjaw sitwazzjoni ta’ spejjeż għoljin.

Il-Kamra tal-Kummerċ qed tipproponi li n-negozji jkunu inċentivati li jinvestu fit-tekonoloġija, dan filwaqt li l-kumpaniji u n-negozji jinkludu aspetti ESG fl-operat tagħhom. Dan kollu għandu jwassal li Malta tkun tista’ tadatta għal dinja li qiegħda dejjem tinbidel, jitnaqqsu r-riskji, u jinħolqu opportunitajiet ġodda għal suċċess fit-tul… suċċess li jikkontribwixxi wkoll għal ambjent iktar sostenibbli u mudell ekonomiku responsabbli.

Il-Budget għas-sena d-dieħla għandu wkoll jagħmel aċċenn fuq l-użu ta’ enerġija altermattiva u jiddaħħlu iktar miżuri li jgħinu lin-negozji jaffaċċjaw iż-żieda fil-prezz tal-enerġija.  

Min-naħa tiegħu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech irringrazzja lill-Kamra tal-Kummerċ għall-ħidma tagħha u għal dawn il-proposti li jekk ikunu attwati mill-Gvern, se jtejbu l-ħajja tal-poplu Malti u Għawdxi kollu. Saħaq li bħalma qed tappella l-Kamra tal-Kummerċ, il-Gvern għandu jieħu azzjoni minnufih sabiex pajjiżna jkollu dak li verament jixraqlu.

Preżenti għal din il-laqgħa kien hemm il-Deputat u Kandidat għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew David Agius, u d-Deputati Nazzjonalisti Ivan J Bartolo, Ivan Castillo, Jerome Caruana Cilia u Robert Cutajar.